Internazzjonali

Donald Trump mhux lest jagħmel deal mal-Iran

Il-Gwerra tal-Iran issa daħlet fit-tielet ġimgħa b’Teheran u bliet Iranjani oħrajn għadhom qed iġarrbu l-qilla tal-assedju mill-ajru….Assedju konċentrat fuq il-pajjiż Iżlamiku mill-qawwiet tal-Istati Uniti u Iżrael – bl-Iranjani jirritaljaw bl-isparar ta’ missili u drones lejn Iżrael kif ukoll lejn l-interessi tal-Amerikani madwar ir-reġjun tal-Golf li jinkludu fuq kollox il-bażijiet militari.

Waqt li mistennija talanqas ġimgħa oħra ta’ ġlied intensiv, il-President Amerikan, Donald Trump, sostna li qed jirrifjuta li jidħol għal ftehim biex jieqfu l-kumbattimenti.

U Trump, fl-istess ħin, sostna li l-Iranjani wrew li huma lesti għal dan il-ftehim iżda hu baqa’ jinsisti li l-Iran mhux jaċċetta ċerti kundizzjonijiet li qed jinsisti dwarhom.

Il-President Amerikan, fl-aħħar sigħat, talab ukoll biex pajjiżi bħaċ-Ċina, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u pajjiżi oħrajn jibagħtu l-vapuri tal-gwerra bħala skorta għat-tanker taż-żejt. U waqt li dawn il-pajjiżi ma wieġbux għas-sejħa b’mod konkret, Donald Trump qed jgħid xorta li l-istess pajjiżi huma impenjati biex iħarsu s-sigurtà tal-bastimenti kummerċjali u mingħajr ma identifika lill-Istati li tawh il-kelma uffiċjali tagħhom.

L-Istati Uniti, fl-aħħar sigħat ukoll, fetħet bumbardamenti qawwi fuq il-Gżira ta’ Kharg li hi hub kritiku għall-esportazzjonijiet taż-żejt mill-Iran….Dan waqt li Donald Trump sostna li l-gżira inkwistjoni hi ‘virtwalment meqruda’ u li l-attakki fuq dik iz-zona għandhom ikomplu xorta waħda.

Fl-istess ħin, il-President Amerikan ma jidhirx inkwetat dwar iż-żieda sinifikanti fil-prezzijiet globali taż-żejt b’kaġun tal-gwerra. Hu qal li għad hawn kwantitajiet kbar ħafna taż-żejt u l-gass għall-pajjiżi tad-dinja u li għalissa, il-movimenti ta’ dawn ir-riżorsi qed jiffaċċjaw l-intoppi temporanji.

Iżrael, fl-aħħar sigħat, fetaħ burraxka ġdida ta’ missili fuq l-Iran u li x’aktarx li kienet l-aktar waħda qalila mill-bidu tal-gwerra. L-attakki konċentraw fuq iċ-ċentri tal-kontroll tal-Gwardja Repubblikana – il-qawwa elit Iranjana – fil-Punent tal-pajjiż, bl-uffiċjali Iżraeljani jsostnu li l-attakki laqtu lil diversi siti kruċjali għall-kapaċitajiet militari tar-reġim Iranjan.

Fl-istess ħin, l-Iranjani mill-ġdid sparaw numru ta’ missili lejn Iżrael – bl-Iżraeljani jinterċettaw ħafna minnhom qabel setgħu jolqtu l-belt  ta’ Tel Aviv.

Madankollu, numru ta’ missili tal-Iranjani laqtu l-inħawi fil-madwar ta’ Tel Aviv u fejn ikkaġunaw numru ta’ nirien. Ma kienu rappurtati l-ebda midruba iżda jidher li l-Iran, fil-jiem li ġejjin, se jkompli bl-istrateġija li jispara l-missili u d-drones kontinwament lejn iċ-ċentru ta’ Iżrael.

 Il-President Donald Trump, fl-aħħar sigħat ukoll, qajjem id-dubji dwar id-destin tal-Mexxej Suprem ġdid tal-Iran, Mojtaba Khamenei, li hu iben l-eks-Ayatollah Iranjan, Ayatollah Ali Khamenei, li nqatel mal-ewwel mewġa tal-attakki tal-Amerikani fit-28 ta’ Frar.

Trump qal li ma jafx jekk Mojtaba Khamenei hux ħaj jew le u meta għalissa ħadd ma seta’ jarah fil-pubbliku.

Filwaqt li żdiedet l-ispekulazzjoni li l-Ayatollah ġdid spiċċa midrub fl-istess attakk li qatel lil missieru, hu minnu li Mojtaba mhux qed jidher fuq il-kameras u fejn, għalissa, qed joħroġ l-istqarrijiet tiegħu bil-miktub.

Intant, Donald Trump qal li l-pressjoni tal-militar konġunt fuq l-Iran għandha tiżdied matul il-ġranet li ġejjin waqt li ħeġġeġ biex ir-reġim f’Teheran  iċedi mingħajr kundizzjonijiet ħalli jevita aktar tixrid tad-demm.