Futbol Sport

Ħamrun Spartans ifallu milli jieħdu l-ewwel post fil-klassifika wara telfa kontra Mosta

MOSTA……………………………….2

ĦAMRUN SPARTANS………..1

Mosta kisbu rebħa importanti kontra Ħamrun Spartans fil-ħdax-il logħba tal-closing round tal-kampjonat YoHealth Malta Premier. Dan ir-riżultat fisser li Ħamrun tilfu opportunità li jilħqu lil Floriana fil-quċċata tal-klassifika, filwaqt li Mosta kisbu tliet punti prezzjużi għalkemm baqgħu fl-aħħar post tal-klassifika.

Fl-ewwel taqsima, fit-22 minuta, Bjelicic ta pass lejn El Fanis li pprova jikkonkludi minn pożizzjoni ċentrali iżda x-xutt tiegħu spiċċa barra.

Fis-27 minuta, Ħamrun ħarġu f’kontrattakk: Mbong qassam lil Carboni, li mbagħad sab lil El Fanis fuq ix-xellug, iżda x-xutt tiegħu laqat difensur ta’ Mosta u mar barra. Fil-31 minuta Carboni ipprova xutt ieħor minn barra l-kaxxa, iżda l-goalkeeper ta’ Mosta Ngoubi Demba salva tajjeb. Ftit wara, fil-34 minuta, freekick ta’ Guillaumier kien indirizzat lejn il-lasta iżda Ngoubi Demba reġa’ kien attent u qabad il-ballun. Fit-42 minuta Guillaumier ingħata karta safra wara foul fuq Fernandes. Minuta biss wara, fil-43 minuta, Mosta marru fil-vantaġġ meta Portelli rċieva pass mingħand il-captain Vassallo u minn distanza qrib għeleb lill-goalkeeper Bonello.

Fis-60 minuta Bjelicic tefa’ kross lejn Mbong, iżda dan ma rnexxilux jikkontrolla sew il-ballun. Ftit wara, Compri ta’ Ħamrun ipprova xutt minn tarf il-kaxxa li għadda ftit għoli mil-lasta.

Fis-67 minuta Mosta kisbu penalty wara foul ta’ Camenzuli fuq Portelli fil-kaxxa. L-istess Portelli ħa r-responsabbiltà u b’xutt preċiż mill-ħdax-il metru għamel l-iskor 2-0 għal Mosta. Fil-71 minuta Modica daħħal lil Eleke minflok Camenzuli. Fil-76 minuta, l-istess Eleke naqqas id-distakk għal Ħamrun meta rċieva pass mingħand Mbong u minn ġewwa l-kaxxa skorja.

Minkejja l-pressjoni finali ta’ Ħamrun Spartans, Mosta żammew il-vantaġġ tagħhom u rebħu l-partita bl-iskor ta’ 2-1.

Plejer tal-logħba: Nevin Portelli ta’ Mosta.

Referee: Ezekiel Barbara