Lokali Qorti

Ikkundannat sena ħabs sospiża għal sentejn wara li ħebb għal martu

Raġel ta’ 40 sena residenti l-Gżira ngħata sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn wara li ammetta li aggredixxa lil martu, omm it-tielet ulied.

Dan il-każ seħħ wara li l-mara għamlet rapport fit-taqsima tal-vjolenza domestika tal-Pulizija fit-13 ta’ Marzu li għadda.

Fil-Qorti ntqal li l-koppja kienet marret tiekol f’restorant, fejn inqala’ argument wara li r-raġel beda jiċċajta ma’ waitresses u aktar tard faqqa’ argument dwar it-tips waqt li kienu sejrin lejn il-karozza.

Skont il-prosekuzzjoni,wara li wassalha d-dar u mar ix-xogħol għal xi karti, ir-raġel irritorna u aktar tard laqatha f’rasha b’tablet ta’ wieħed mit-tfal.

Il-mara allegat ukoll li qabadha minn għonqha u xagħarha, u kaxkarha mal-art.

Mal-Pulizija, ir-raġel ammetta biss li taha daqqa bit-tablet. Wara risk assessment, il-każ ġie kklassifikat bħala wieħed ta’ riskju medju u tressaq il-Qorti akkużat li hedded lil martu, ħebb għaliha u kkawżalha ġrieħi ħfief.

Id-difiża qalet li l-koppja kienet ilha miżżewġa 25 sena iżda sseparaw sitt xhur, minkejja li baqgħu jgħixu fl-istess dar.

Intqal ukoll li waqt l-inċident il-mara kissret vażun u xi affarijiet oħra fid-dar.

Wara l-ammissjoni tiegħu, il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil ikkundannatu sena priġunerija sospiża għal sentejn u ordnatlu jżomm il-paċi ma’ martu.

Il-Qorti imponiet ukoll divjet fuq il-pubblikazzjoni tal-ismijiet biex jipproteġu t-tliet itfal tal-koppja, li għandhom 14,9, u 5 snin.