Lokali

Il-Każ tat-tanker Metagaz: Malta bi pjan ta’ kontinġenza

L-awtoritajiet Maltin qed jilqgħu għall-eventwalità li t-tanker Russu, Arctic Metagaz, jersaq qrib il-gżejjer Maltin.

Dan hekk kif il-bastiment li ntlaqat minn sea-drone fit-3 ta’ Marzu kien jinsab mal-50 mil nawtiku ‘l bogħod minn Malta, bl-awtoritajiet lokali jispjegaw li diġà hemm pjan ta’ kontinġenza fl-eventwalità li din l-emerġenza tinqala’.

Sorsi spjegaw li hemm il-biża’ li t-tanker li preżentament jinsab abbandunat għal riħu fil-Mediterran jersaq lejn l-ibħra Maltin bejn il-Ħadd filgħaxija u t-Tnejn filgħodu – bil-bastiment jaf javviċina minn naħa tal-Punent.

L-istess sorsi spjegaw li Transport Malta qabbdu kumpanija internazzjonali sabiex jinħoloq pjan ta’ emerġenza ħalli titfassal strateġija ta’ kif pajjiżna u l-ambjent ta’ madwarna jista’ jkun protett; bil-Forzi Armati ta’ Malta jinsabu fuq stand-by.

Filwaqt li l-vapur kien qiegħed jiġi rrapportat li kien jinsab bejn l-Italja u Malta, joqrob proprju lejn il-gżira ta’ Linosa, il-maltemp u t-tibdil fid-direzzjoni tar-riħ jaf jerġa’ jressaq il-bastiment lura lejn Malta.

L-istess sorsi spjega li l-Awtoritajiet Taljani qed jikkoperaw wkoll b’diskussjonijiet kostanti mal-Kummissjoni Ewropea.

Huwa mifhum li l-vapur qed iġorr fuqu mas-700 tunnellata ta’ fuel kif ukoll 4 tankijiet tal-LNG, li tnejn minnhom inqerdu fl-isplużjoni.

L-istess uffiċjali spjegaw li qed tiġi ssuġerita l-idea li l-bastiment ikun ittowjat f’żona partikolari; madanakollu s’issa għad m’hemmx ħjiel fejn se jkun qiegħed jinġarr.

Intant, is-sajjieda kienu mwissija sabiex iżommu d-distanza mill-bastiment bħala prekawzjoni.