Malta Public Transport tavża lill-utenti tat-trasport pubbliku dwar it-tibdil temporanju fir-rotot tal-karozzi tal-linja fiż-żona ta’ San Ġiljan f’Jum San Patrizju, nhar it-Tlieta 17 ta’ Marzu.
Dan minħabba li nhar it-Tlieta 17 ta’ Marzu ha jkun hemm toroq magħluqin b’rabta ma’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.
Il-bdil fir-rotot se jibda min-nofsinhar ‘il quddiem u se jaffettwa numru ta’ rotot li joperaw bejn il-lokalitajiet ta’ Tas-Sliema, San Ġiljan, San Ġwann u Pembroke. Ir-rotot milquta jinkludu t-13, 13A, 16, 202, 212, 222, 225, 233, N212 u N13, kif ukoll 14, 14B, 110, 211 u TD3.
Fil-ħinijiet li t-toroq ikunu magħluqa, il-karozzi tal-linja li jgħaddu bejn Tas-Sliema u San Ġiljan se jgħaddu minn Sliema Ferries lejn Triq Manwel Dimech, u jmorru lejn San Ġwann u Triq Reġjonali qabel ma jerġgħu jaqbdu r-rotta normali qrib Paceville.
Dan se jwassal li numru ta’ waqfiet ta-linja mal-kosta bejn Tas-Sliema u San Ġiljan mhux se jkunu servuti waqt dawk il-ħinijiet. Dawn jinkludu l-waqfiet Sliema, Chalet, Għadir, Torri, Exiles, Antik, Balluta, Olivier, Spinola u Ross. Jistgħu jkunu affettwati wkoll waqfiet oħra madwar Paceville u Portomaso f’ċertu rotot.
Ir-rotot bejn Sliema u Pembroke se jgħaddu minn Rue d’Argens u r-roundabout tal-Kappara, filwaqt li xi servizzi li joperaw bejn San Ġwann u Pembroke lejn San Ġiljan se jaqbżu partijiet minn Paceville u ż-żona tal-Bajja ta’ San Ġorġ.
Minn San Ġwann lejn San Ġiljan, il-karozzi tal-linja se jgħaddu mill-mini ta’ Triq Reġjonali u jduru mar-roundabout ta’ Pender Gardens qabel ma jerġgħu jaqbdu r-rotta normali tagħhom. Il-karozzi minn Pembroke sa Sliema Ferries se jduru minn Pender Gardens għal Triq Reġjonali, jgħaddu mill-mini u jkomplu minn Triq L-Imrabat.
Il-karozzi tal-linja minn Paceville lejn Sliema Ferries se jduru wkoll mar-roundabout ta’ Pender Gardens, jgħaddu mill-mini ta’ Triq Reġjonali u jkomplu minn Triq Tas-Sliema, fejn imbagħad ikomplu r-rotta normali fi Triq it-Torri lejn Sliema Ferries. Il-waqfiet milquta se jinkludu Ross, Spinola, Olivier, Balluta, Antik u Exiles.
Intant, is-servizzi tal-karozza tal-linja jerġgħu jibdew joperaw normali hekk kif jerġgħu jinfetħu t-toroq. Minħabba n-numru ta’ rotot affetwati, il-passiġġieri huma mħeġġa jippjanaw il-vjaġġi tagħhom bil-quddiem u jivverifikaw l-aħħar aġġornamenti mill-websajt tal-Malta Public Transport jew it-Tallinja app, fejn ikun hemm id-dettalji kollha tar-rotot mibdula u l-waqfiet tal-linja li se jkunu milquta.
//= $special ?>

