Raġel ta’ 34 sena residenti Birżebbuġa nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li hedded lill-eks sieħba tiegħu.
Huwa ġie mixli li wettaq dan ir-reat bejn l-1 ta’ Frar u d-9 ta’ Marzu ta’ din is-sena. Minbarra t-theddid lejn l-eks sieħba, ir-raġel kien akkużat ukoll li taha fastidju u li f’Jannar li għadda segwiha.
Fil-Qorti ħareġ li l-koppja kienet infirdet madwar xahar u nofs ilu, wara relazzjoni ta’ seba’ snin. Il-mara rrappurtat lill-Pulizija li l-akkużat kien isewgwiha u li waqt argument li seħħ filgħodu, mar ukoll fuq il-post tax-xogħol tagħha.
Dakinhar filgħaxija, meta mar id-dar fejn kienu għadhom jgħixu flimkien, allegatamnet qalilha li illum ħlisthielek għax b’gun kont ġej għalik. Sar wkoll assessjar tar-riskju, u l-vittma ġiet ikklassifikata bħala persuna f’riskju għoli.
Għalkemm ir-raġel wieġeb mhux ħati, il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Hija ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma u ordnat projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-ismijiet, sabiex ikunu protetti wkoll uliedhom.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar.
//= $special ?>

