Dalgħodu kienu magħrufa kif se jintlagħbu l-aħħar ħames match days tal-Malta Premier, fil-fażi tal-Closing Round, hekk kif wara tmiem il-ġimgħa t-tnax-il tim tal-Kampjonat ġew maqsuma f’Top Six u Bottom Six, skont il-klassifikazzjoni finali wara 11-il partita mit-tieni Kampjonat minn tnejn tal-Malta Premier.
Matul l-aħħar jiem, il-kritika tal-pubbliku ġenerali li jsegwi l-futbol Malti, partikolarment il-Malta Premier, kompliet tikber, bl-akbar konferma ta’ dan huma l-kummenti li qed iħallu l-partitarji ta’ kwalunkwé tim, lejn il-format ta’ Kampjonat uniku fl-Ewropa u li “fiħ wisq kumplikazzjonijiet.”
Il-kritika hija waħda mifruxa, b’uffiċjali, kowċis u plejers tal-klabbs tal-Malta Premier, li tkelmu ma’ Net News, għadhom sal-lum mhux jifhmu x’jiġri fil-Kampjonat f’ċirkostanzi partikolari.
Wieħed jifhem li din il-kritika kienet prevista hekk kif issa se nibdew l-aħħar fażi tal-istaġun, b’kull tim tal-Malta Premier baqgħlu jilgħab ħames partiti biss għat-tmiem tal-Kampjonat. Pero fl-isfond ta’ dan kollu, u sforz il-format tal-Kampjonat, bir-raġun li l-partitarji, iżda mhux biss, anke l-istess uffiċjali u plejers tal-klabbs li jiffurmaw parti mill-Malta Premier, qed jistaqsu x’jiġri eżatt f’ċertu ċirkostanzi, bir-risposti mogħtija qed jibqgħu jħallu inċertezza.
Dan m’huwiex kliem Net News iżda qed jgħiduħ l-istess nies involuta f’dan il-Kampjonat jew li huma partitarji ta’ klabb lokali, li jibqgħu jistaqsu domandi pertinenti, li fihom infushom huma mistoqsijiet li jagħmlu sens. Dan għaliex ħafna qed jargumentaw dwar il-fatt li biċ-ċirkostanzi li qed ikolna, speċjalment wara l-klassifikazzjoni li kelna fl-Opening Round u l-klassifikazzjoni li kelna s’issa fil-Closing Round, ċertu verdetti finali, mhux jagħmlu sens, diffiċli biex tifhem ir-raġunament tagħhom iżda fuq kollox ma jagħmlux ġustizzja.
L-akbar diskussjoni, u possibilment kien dan il-fatt li ħoloq l-akbar kritika fil-mument, hu x’se jiġri minn Naxxar Lions, wara li dawn kienu l-akbar sorpriża tal-Closing Round meta temmew fir-raba’ post tal-klassifika wara 11-il partita u se jilgħabu l-aħħar ħames partiti f’Top Six.
Dan għaliex fl-Opening Round, Naxxar Lions spiċċaw fil-11-il post, iġifieri fiż-żona relegazzjoni. Bir-regolamenti ċari daqs il-kristall, u li dwar dan kulħadd kien fehem, b’ċertezza dawn se jkunu qed jilgħabu relegation play-off fl-aħħar tal-istaġun.
Iżda l-pubbliku sportiv qed jistaqsi l-aktar domanda ovja. X’jiġri jekk dawn jispiċċaw l-ewwel jew it-tieni fil-Closing Round? Teknikament, f’każ bħal dan wieħed malajr jistaqsi, u jkollu raġun, jekk dawn għaddew għal żewġ play-offs, dik tar-relegazzjoni u l-oħra għar-rebħ tal-Kampjonat, x’se jiġri? Liema se jilgħabu?
Fuq kollox, issa li Naxxar Lions se jilgħabu Top Six fil-Closing Round, jista’ jkun hemm eventwalitá fejn dan it-tim jevita r-relegation play-off?
Oriġinarjament, din id-domanda kienet saret meta kien imniedi dan il-format, bir-risposta mogħtija dak in-nhar kienet waħda li nislet tbissima fuq l-ogħla uffiċjali tal-MPL, għaliex dak in-nhar, u ma ntuhomx tort, rawha ċirkostanza surrejali. Fit-tieni staġun b’dan il-format, din l-eventwalitá tista’ sseħħ u għalhekk il-konfużjoni kibret, b’min jgħid mod u b’min jgħid mod ieħor.
Nhar il-Ħamis li għadda, waqt Replay Podcast fuq Net Television, il-mistieden kien iċ-Ċermen tal-Kampjonat Ltd, Alan Abela li kien mistoqsi din id-domanda, bit-tweġiba kienet li l-uniku mod ta’ kif Naxxar Lions jistgħu jevitaw ir-relegation play-off hi jekk dawn jagħmluha għall-Final Four għar-rebħ tal-Malta Premier.
Iżda biex dan iseħħ, il-Closing Round ma jridx jintrebaħ minn Ħamrun Spartans. Jidher li din il-verżjoni ma kienitx koretta għal kollox, għaliex il-bieraħ, appenna beda’ Replay fis-6:10pm fuq Net Television, u d-diskussjoni kienet dwar kif dan il-Kampjonat qed joħloq konfużjoni sħiħa fost kulħadd, l-MPL permezz tal-midja soċjali tagħhom (li rridu ngħidu li hi waħda professjonali, b’kontenut u viżwal mill-isbaħ), tellgħu post biex jistiednu lil dawk li għandhom xi domanda jew inċertezza fuq xi ħaġa marbuta mal-format tal-Kampjonat, jistgħu jistaqsu direttament permezz ta’ Facebook.
Dan għaliex id-domandi li qed isiru, mhux biss jagħmlu sens, iżda anke min hu responsabbli jew ivvota għal dan il-format, ukoll kultant qed iġibuħ dahru mal-ħajt u jjrid jaħsibha darbtejn kif iwieġeb qabel tingħata t-tweġiba korretta. Mhux qed ngħid hekk għaliex ma jkunux jafu, imma għaliex inħoloq format tant kompless, li mingħajr ma taf se jkollok ċirkostanzi jew li ma tkunx ħsibt fuqhom qabel li jseħħu jew tkun assumejt li qatt m’huma se jiġru, u qed naraw possibilment jistgħu jiġru.
Ir-reazzjoni għal dan il-post fuq il-midja soċjali tal-MPL nisslet rabja u frustrazzjoni mill-partitarji lokali, b’kummenti li juu biċ-ċar li l-partitarju Malti, fil-maġġoranza tiegħu m’huwiex favur dan il-format.
M’aħnix nesaġeraw jekk ngħidu li ma naħsbux li rajna jew inkiteb kumment wieħed mill-pubbliku sportiv, li jirrepeti r-retorika tal-MPL li dan hu Kampjonat “eċitanti”.
Filwaqt li wieħed jikkundanna kummenti dispreġattivi, kienu bosta dawk li staqsew domandi leġittimi u li l-MPL tat risposta f’ħin qasir.
Madankollu, jidher li fir-rigward ta’ Naxxar Lions, il-veritá hi li jekk dawn, wara l-ħames partiti li jmisshom jilgħabu fit-Top Six, jispiċċaw it-tieni (irrelevanti min jispiċċa l-ewwel, anke jekk dawn inkunu Ħamrun Spartans), l-iskwadra taħt it-tmexxija ta’ Winston Muscat ma tilgħabx ir-relegation play-off.
F’każ bħal dan, l-avversarju li suppost kellu jilgħab ma’ Naxxar Lions f’din il-play-off, jiġi relegat direttament.
Id-domandi u l-mistoqsijiet mil-partitarji mhux se jieqfu. Hemm min se jifhem mal-ewwel, u hemm min se jdum biex jifhem. Se jkun hemm ukoll min ma jridx jifhem u għal raġunijiet li jkun jafhom hu, jibqa’ jgħid dak li jrid jemmen hu.
Hu tajjeb li l-MPL qed tkun miftuħa li twieġeb għad-domandi kif għamlet. Pero hu tajjeb ukoll li kulħadd issa jinżel mit-Torri tal-Avorju, u naċċettaw li tagħmel x’tagħmel, dan il-format mhux se jaħdem.
KIf wasalt għal din il-konkluzzjoni? Sempliċi, għax-xogħol kbir li llhom jagħmlu l-MPL biex jirreklamaw ġimgħa wara l-oħra kull match day tal-MPL, iż-żieda (milli qed jgħidu) li hemm għal kull partita hija ftit wisq.
Id-domanda li għandha ssir hi waħda. Int il-prodott MPL lil min trid tbiegħu qabel tibda tmur għand il-kumpanji għal sponsor? Lill-pubbliku sportiv Malti. Jekk dawn mhux qed jaċċettawħ, allura hemm problema.
Jekk min qed jaqra dan l-artiklu se jqis il-kritika tiegħi bħala kostruttiva, allura jaf li dak li qed ngħid jagħmel sens (forsi mhux se naqlbu f’kollox). Jekk min qed jaqra dan l-artiklu għandu rasu fir-ramel, allura dan l-artiklu li għadek kif qrajt ma jgħoddx għalik.
//= $special ?>

