Sport Sport Ieħor

Ftehim bejn l-AIMS u l-GIOYA Higher Education Institute biex jappoġġjaw l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-atleti

L-Awtorità għall-Integrita fl-Isport Malti (AIMS) iffirmat Memorandum of Understanding ma’ GIOYA Higher Education Institution sabiex tissaħħaħ l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-karriera tal-atleti Maltin. Din il-kollaborazzjoni għandha l-għan li toħloq aktar opportunitajiet akkademiċi għal atleti li jkunu qed jikkompetu jew li jkunu qed jagħmlu l-bidla mill-karriera sportiva għal oħra professjonali.

Permezz ta’ dan il-ftehim, atleti reġistrati ma’ federazzjonijiet sportivi f’Malta jistgħu jingħataw skont jew scholarship ta’ madwar 20% fuq programmi akkademiċi offruti minn GIOYA. Barra minn hekk, l-esperjenza sportiva u professjonali tagħhom tista’ tiġi rikonoxxuta u kkreditata bħala parti mill-istudji tagħhom.

Il-programm jippermetti lill-atleti jsegwu studji relatati ma’ oqsma bħal sport leadership, negozju u imprenditorija, filwaqt li jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom għal karriera wara l-isport.

Din il-kollaborazzjoni tirrifletti l-impenn ta’ AIMS li tappoġġja mhux biss l-integrità fl-isport, iżda wkoll l-iżvilupp personali u professjonali tal-atleti. L-għan hu li l-atleti jkollhom l-għodda u l-edukazzjoni meħtieġa biex jibnu futur sostenibbli anke wara li jispiċċa l-karriera sportiva tagħhom.

Min-naħa tagħha, GIOYA tipprovdi programmi akkademiċi akkreditati li jistgħu jwasslu għal kwalifiki rikonoxxuti Ewropej minn livell MQF 5 sa 8, u li huma mfassla biex jintegraw l-esperjenza professjonali u l-studju akkademiku.