“Huwa importanti li nieħdu ħsieb is-suċċess li għamilna fit-turiżmu iżda huwa importanti li issa nimxu lejn turiżmu ta’ kwalità u li jkun aktar sostenibbli dan sabiex iċ-ċittadini jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni li ħareġ waqt il-preżentazzjoni tad-dokument “Rediscover to align” u li kienet organizzata mill-Kamra tal-Kummerċ.
Id-dokument sar b’konsultazzjoni ma ‘l fuq minn 30 negozju fis-settur tat-turiżmu u kien hemm ‘il fuq minn 115-il rakkomandazzjoni b’aktar minn nofshom huma kompletament ġodda.
Matul id-diskors tiegħu l-President tal-Kamra tal-Kummerċ William Spiteri Bailey spjega li dan id-dokument jinkludi pjan b’viżjoni fit-tul b’rabta mal-industrija tat-turiżmu dan għaliex is-suċċess tat-turiżmu ġab miegħu wkoll numru ta’ sfidi.
Huwa spjega wkoll li t-tkabbir ekonomiku jrid jimxi id f’id mas-sostenibbiltà dan filwaqt li aċċenna fuq l-importanza li nipproteġu l-karatteristiċi uniċi li għandhom il-Gżejjer Maltin.
Għaldaqstant, matul din il-preżentazzjoni ġie spjegat kif inbidel is-settur tat-turiżmu matul is-snin fost l-oħrajn kif propju fl-2015 ġew ‘il fuq minn 1.7 miljun turist iżda mbagħad fl-2025 it-turisti qabżu l-4 miljun. Dan apparti li s-sena li għaddiet għall-ewwel darba fl-istorja Maltija x-xahar ta’ Ottubru kien it-tieni l-aktar popolari għat-turiżmu wara x-xahar ta’ Awwissu.
Mir-riċerka li saret irriżulta li n-nefqa totali tat-turisti hija bbażata fuq il-volum li jfisser li fil-verita jekk wieħed jikkalkula n-nefqa ta’ kull turist f’pajjiżna tidher biċ-ċar li matul is-snin din naqset. Imma peress li bdew jiġu aktar turisti f’pajjiżna n-nefqa b’mod ħolistiku tkun tidher li żdiedet.
Ġie spjegat ukoll l-importanza li t-turiżmu jrid jindirizza kemm il-bżonnijiet ta’ dawk li jżuru pajjiżna kif ukoll taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Dan filwaqt li saħqu li t-turiżmu, l-ambjent u l-ippjanar iridu jiġbdu ħabel wieħed bit-turiżmu jrid ikun ta’ prijorità għal kull ministeru.
F’kummenti ma’ Net News il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Marthese Portelli spjegatilna kif dan id-dokument jindirizza l-bżonnijiet ta’ din l-industrija dan filwaqt li saħqet fuq l-importanza li nattiraw turisti ta’ kwalità lejn pajjiżna.
Intant, matul il-konferenza ġie spjegat li dan id-dokument li se jibqa’ jiġi aġġornat skont il-bżonnijiet tas-settur tat-turiżmu.
//= $special ?>

