Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel: Hibernians jegħlbu lil Luxol b’basket fl-aħħar sekondi

(Ritratt: Elton Sant)

Colin Schembri

Hibernians…………………………91

Luxol Sherries Estates………89

(26-29)(23-14)(22-21)(20-25)

Hibernians ħadu rebħa drammatika ta’ 91-89 fuq Luxol Sherries Estates f’partita intensiva li baqgħet miftuħa sal-aħħar sekondi. Il-konfront kellu disa’ bidliet fil-vantaġġ u għal tmien darbiet kien hemm parita, sinjal ta’ bilanċ kbir bejn iż-żewġ timijiet. Hibs għamlu d-differenza prinċipalment fiż-żona b’54 punt u sfruttaw aħjar it-tieni opportunitajiet, filwaqt li kellhom ukoll 21 assist li żammew l-attakk tagħhom organizzat. Luxol wieġbu b’prestazzjoni tajba u run importanti fl-aħħar sessjoni, iżda żball fl-aħħar azzjoni kien deċisiv għar-riżultat. Iż-żewġ timijiet kienu bl-istess formazzjoni ta’ ġimgħa ilhu bl-eċċezzjoni ta’ Teo Gjurovski li kien nieqes għal Hibs. Hibs marru fuq quddiem fil-ftuħ tal-partita bi break ta’ 9-2 bi trippla fuq kull naħa minn Xavier Brewer u Piotr Stelmach. Hibs komplew bil-punti ta’ Deonte Jackson li wkoll kellhu trippla u marru 18-10 minn fuq. Mal-ħin Luxol bdew inaqqsu d-distakk speċjalment wara erba’ trippli, 2 minn Brewer u tnejn ta’ Darron Howard biex saħansitra qalbu l-iskor fi tmiem il-perjodu 26-29. Fit-tieni taqsima, Luxol żammew il-vantaġġ għal xi ħin minkejja run ta’ 8-2 minn Hibs maqsuma bejn Ivan Demcesen u Stefan Simic. Wara punti minn Howard għal Luxol, Hibs għamlu break ta’ 15-2 bil-punti ta’ Jackson u Ayomide Ajoboye flimkien ma’ Demcesen u Neil Cassar biex marru 10 minn fuq 49-39. Qabel tmiem it-taqsima, Brewer u Stefan Cappello ġabu 4 punti lura għal Luxol biex fl-intervall Hibs kienu fuq quddiem 49-43.

Fit-tielet sessjoni, Hibs fetħu bi trippla oħra minn Matthew Attard però Luxol kellhjom risposta mill-aqwa b’run ta’ 11-2 b’punti minn Nathan Xuereb u trippla ta’ Miguel Brincat. Ir-risposta ta’ Hibs ġiet minn Elijah Simmons u Demcesen biex reġgħu marru fuq quddiem 63-56. Luxol kellhom il-punti ta’ Xuereb fosthom trippla però kienu Hibs li temmew fuq quddiem wara punti minn Demcesen u Piotr Stelmach għal skor ta’ 71-64.  Wara punti minn Demcesen fil-ftuħ tal-aħħar sessjoni, Luxol kellhom run importanti ta’ 12-0 bi trippli minn Brincat u Cappello u marru minn fuq 76-75. Issa ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin però tripploi ta’ Luxol ħallewhom fuq quddiem. L-aħħar azzjonijiet kienu l-qofol tal-partita. Hibs għamlu l-iskor indaqs fl-aħħar 18-il sekonda 89-89. Il-ballun kien għand il-Luxol però pass ħażin ta’ Brewer kien interettat minn Ajiboye li fl-aħħar sitt sekondi għamel il-basket tar-rebħa Pawlista fuq skor finali ta 91-89.

.

Hibernians: N. Cassar 4, E. Simmons 4, A. Ajiboye 20, L. Farrugia, P. Stelmach 8, V. Kustudja, D. Jackson 27, M. Attard 3, I. Demcesen 19, S. Simic 6.

Luxol Sherries Estates: D. Howard 23,  A. Azzopardi 2, I. Azzopardi 2,N. Xuereb 19, J. Johnson 2, M. Brincat 12, M. Iloube, X. Brewer 24, S. Cappello 5, S. Marra.

Referees: Bernard Vassallo, Leonardo Silvero, Jacques Seifert

Athleta AtoZ…………………….66

The Plaza Depiro……………..88

(16-22)(20-14)(11-25)(19-27)

The Plaza Depiro kisbu rebħa ta’ 88-66 fuq Athleta AtoZ f’partita li baqgħet bilanċjata fl-ewwel taqsima iżda darret b’mod ċar favur Depiro wara l-mistrieħ. Id-differenza kienet evidenti fiż-żona fejn Depiro kisbu 50 punt u wkoll fit-transizzjoni b’19-il punt mill-fast break. It-tim rebbieħ kien aktar effiċjenti fl-attakk b’54% minn ġoż-żona u 1.15 punti kull pussess, filwaqt li sfrutta wkoll 11-il punt minn offensive rebounds. Athleta ppruvaw jibqgħu fil-logħba, iżda n-nuqqas ta’ konsistenza fit-tiri u diffikultajiet fid-difiża ma ħallewhomx iżommu l-pass fit-tieni parti tal-konfront. Depiro kellhom nieqsa lil Sean Galea u l-Amerikan Felix Uadiale. Athleta fetħu l-partita bi trippla ta’ Robert Vitale u basket ta’ Isaac Bonett. Ir-risposta ta’ Depiro ġiet minn Trevon Reddish u trippla ta’ Alessio Trapani. Orlando Little reġa’ poġġa lil Athleta minn fuq però Depiro kellhom il-punti ta’ Nikola Bozovic. Trippla ta’ Luca Borg fis-sitt minuta poġġiet lil Athleta 13-11 minn fuq però Depiro wieġbu b’run ta’ 9-0 bi trippla ta’ Jean Paul Schembri biex fetħu vantaġġ ta’ sitt punti li żammew sa’ tmiem il-perjodu 22-16. Fit-tieni taqsima kien hemm aktar punti minn Cornelius għal Depiro fil-waqt li Little u Seba Ebelashvili bi trippla wieġbu għal Athleta. Ħames punti mingħajr risposta poġġew lil Athleta fuq quddiem 28-27 fis-sitt minuta u trippla ta’ Marcus Duffy ħalliethom fuq quddiem. Żewġ baskets minn Reddish qalbu l-iskor favur Depiro però Athleta irrispondew b’basket u trippla ta’ Robert Vitale. Qabel tmiem it-taqsima kien hemm trippla oħra din id-darba minn Reddish għal parita 36-36.

Fit-tielet perjodu, Depiro reġgħu marru fuq quddiem kmieni hekk kif Corelius kiseb tlett baskets wara xulxin. Ir-risposta tal-Athleta ġiet primarjament mill-free-throw line hekk kif trippla ta’ Luca Stefanovic u basket ta Reddish raw lil Depiro jkabbru l-vantaġġ f’nofs is-sessjoni 49-42. Athleta kellhom trippla minn Vitale però n-naħa l-oħra Reddish ukoll wieġeb bi trippla hekk kif Depiro komplew bi break ta’ 7-0 għal skor ta’ 47-61. Fl-aħħar sessjoni l-vantaġġ ta’ Depiro kiber għal 20 punt 74-54 wara trippli minn Alessio Trapani u Nikola Bozovic. Athleta rnexxielhom jirkupraw xi ftit bi break ta’ 10-2 fejn kellhom it-trippli minn Little u Ebelashvili. Depiro għalqu l-partita bi break ieħor ta’ 10-0 bi trippli ta’ Schembri u Bozovic biex rebħu l-partita 88-66.

Athleta AtoZ: K. Fabri, M. Duffy 9, S. Ebelashvili 10, R. Vitale 18, I. Bonett 5, L. Borg 3, O. Little 21, J. Cefai, M. Farrugia.

The Plaza Depiro: T. Reddish 35, J. Micallef, N. Zivkovic, L. Stefanovic 3, JP Schembri 6, A. Trapani 8, S. Kenely, C. Cornelius 14, M. Debattista, N. Bozovic 22.

Referees: Fiorentina Ciurariu, Miguel De Flavia, Leonardo Silvero

Valletta Dream………….61

Starlites Revive……….143

(17-54)(22-31)(22-51)(0-7)

Starlites irkupraw lil Jayden Iturmendi però kien nieqes Musa Jallow. Valletta bil-problemi soliti ta’ formazzjoni fejn inkludew aktar players mit-tieni diviżjoni. Ftit hemm xi tgħid fuq din il-partita li kienet dominju assolut ta’ Starlites sa’ mill-ewwel minuti. Ta’ min jgħid li Jackson Threadgill kiser ir-rekors ta’ three pointers f’din il-partita (11 minn David Camilleri) meta kellhu total ta’ 12-il trippla. Starlites rebħu l-ewwel sessjoni bi skor rekord ta’ 54-17 fejn kellhom 10 trippli. Valletta għollew il-punteġġ tagħhom fit-tieni taqsima però fl-intervall Starlites kienu 85-39 minn fuq. Dak li ġara wara l-intervall huwa kundannabbli fejn sensiela ta fouls minn Valletta rawhom jispiċċaw mingħajr players biex ikomplu l-partita. L-iskor kien 61-136 fi tmiem it-tielet sessjoni u l-partita ntemmet wara minuta u 50 sekonda tal-aħħar taqsima fuq skor ta’ 61-143.

Valletta Dream: S. Vincic 14, M. Vasic 13, S. Osagie 13, F. Lisondra 12, P. Marotta 4, M. Rieger 5, D. Massa.

Starlites Revive: A. Felice Pace 4, K. Fabri 9, T. Fee 8, A. Aquilina 2, I. Felice Pace 12, M. Fabri 14, Z. Said Hollier 3, M. Scerri 16, J. Iturmendi 13, J. Threadgill 53, K. Xuereb 6, G. Camilleri 3

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Wendell Lim, Andre Attard