Basketball Sport

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa: Betsson Depiro jirbħu l-partita prinċipali

(Ritratti: Elton Sant)

Colin Schembri

Betsson Depiro……………..73

Caffè Moak Luxol…………53

(20-11)(17-17)(22-9)(14-16)

Betsson Depiro kisbu rebħa ta’ 73-53 fuq Caffe Moak Luxol f’partita li kkontrollaw għal ħafna mill-ħin, speċjalment wara t-tielet sessjoni meta bnew vantaġġ komdu. Depiro kienu aktar effettivi fl-attakk b’persentaġġ għoli mit-tiri u dominanza fiż-żona b’44 punt, filwaqt li żammew ukoll kontroll tar-rebounds difensivi. Luxol ma rnexxielhomx jirrepetu l-wirjiet pożittivi tal-aħħar partiti u sabu diffikultà kbira biex iżommu ritmu offensiv konsistenti, b’percentwal baxx mit-tiri li limitahom għal 53 punt biss. Depiro kellhom lura lil Sophie Abela però tilfu lil Nicole Agius u kienet nieqsa Claire Portelli filwaqt li Maya Borg ħadet post Hannah Farag. Luxol irkupraw lil Gwenn Carabott li ħadet post Adria Xuereb. Wara l-ewwel punti tal-partita minn Olivia Wikstrom, Depiro wieġbu bi break ta’ 8-0 b’baskets konsekuttivi minn Lovely Sonnier. Luxol waqqfuhom bi trippla oħra ta’ Wikstrom però Depiro reġgħu irrispondew permezz ta’ Julia Borg Xerri u Sonnier. Luxol kellhom trippla minn Vanya Baldacchino però kienu Depiro li għalqu t-taqsima fuq quddiem wara baskets minn Sonnier u Neve Borg 23-11. Luxol fetħu aħjar fit-tieni perjodu bi 8 punti mingħajr risposta mill-aħwa Lisa u Sarah Fenech Pace. Sonnier waqqfet ir-run ta’ Luxol u kompliet il-captain Claire Privitera għal skor ta’ 24-19. Depiro kellhom it-trippli minn Sonnier u Julia Borg hekk kif Luxol bdew isibu diffikulta biex jagħmlu l-punti u fil-halftime Depiro kienu 37-28 minn fuq.

Wara l-intervall, kien hemm punti fuq kull naħa qabel ma Depiro kellhom basket minn Celine Fenech u trippla oħra ta’ J. Borg. Depiro komplew bi break ta’ 13-2 b’basket u trippla minn Sophie Abela fir-ritorn tagħha u temmew it-taqsima 59-37 minn fuq. Luxol ippruvaw l-aħħar sforz fil-bidu tal-aħħar sessjoni fejn bdew bi trippla ta’ L. Fenech Pace u komplew bil-punti minn R. Fenech Pace u Wikstrom. Ir-risposta ta’ Depiro kompliet ġejja primarjament minn Sonnier flimkien ma’ trippla ta’ N. Borg. Eve Axisa għalqet bi trippla għal Luxol però l-vantaġġ ta’ Depiro kien sostanzjali hekk kif huma ħarġu rebbieħa 73-53

Betsson Depiro: S. Abela 9, Y. Mangion, K. Fenech Ishmael, J. Borg Xerri 2, J. Mallia 2, C. Privitera 8, C. Fenech 2, J. Borg 13, N. Borg 13, L. Sonnier 25, M. Borg, S. Deguara.

Caffè Moak Luxol: G. Carabott, K. Magro, E. Axisa 4, L. Fenech Pace 13, H. Galea, R. Fenech Pace 1, J. Said 1, E. Abela, S. Fenech Pace 15, O. Wikstrom 14, V. Baldacchino 5, S. Sciberras.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Miguel Pablo De Flavia

Valletta Dream……………..56

Starlites Revive……………96

(21-28)(13-21)(10-23)(12-24)

Starlites Revive kisbu rebħa ta’ 96-56 fuq Valletta Dream f’partita li kkontrollaw kważi kompletament mill-bidu sal-aħħar. L-iskwadra ta’ Starlites kienet aktar dinamika fl-attakk b’25 assist u sfruttat ukoll il-pressjoni difensiva biex tikseb 22 punt minn turnovers. Id-differenza kienet evidenti fiż-żona b’44 punt b’persentaġġ għoli, filwaqt li l-kontribut mill-bank kien ukoll determinanti b’33 punt. Valletta sabu diffikultà biex iżommu ritmu offensiv konsistenti, fatt li ppermetta lil Starlites jibnu vantaġġ li f’ħin minnhom laħaq 40 punt. Għal Valletta kien hemm ir-ritorn ta’ Olesia Malashenko li temmet ħesrem l-impenn tagħha fil-kampjonat tal-Libanu minħabba ċ-ċirkostanzi attwali u rkupraw ukoll lil Marie Elise Pollacco. Starlites kellhom lura lil Mariah Fenech però kienu mingħajr Ylenia Ferrando. Kienet propju Malashenko li għamlet l-ewwel basket tal-partita bi Starlites jirrispondu b’disa’ punti mingħajr risposta bejn Mikela Riolo u Michela Zammit Cordina li kellha l-ewwel trippla. Valletta wieġbu permezz ta’ Pollacco u Maria Momcilovic però Zammit Cordina għamlet trippla oħra flimkien ma’ Georgia Haverlock għal Starlites. Riolo wkoll kellha trippla u wara li Malashenko u Alexia Pisani wieġbu għal Valletta kien hemm aktar punti minn Zammit Cordina u Haverlock. Valletta għalqu l-ewwel taqsima b’9 punti kollha minn Malashenko b’żewġ trippli għal skor ta’ 21-28. Fit-tieni perjodu, kien hemm il-punti ta’ Pollacco fosthom trippla għal Valletta bi Starlites jirrispondu primarjament minn Makaila Napoleon u Julija Dabic. Kien hemm trippla fuq kull naħa minn Malashenko u Napoleon bi Starlites ikomplu b’run ta’ 7-0 bi three pointer ta’ Jasmine Abela u jidħlu jistrieħu 49-34 minn fuq.

Starlites bdew it-tielet taqsima bl-istess ritmu fejn għamlu run ta’ 15-2 b’diversi punti minn Haverlock, Dabic flimkien ma’ Rebecca Naudi u Lisa Marie Zammit. Valletta wieġbu bil-punti ta’ Malashenko u trippla ta’ Hayley Grixti però Starlites għalqu t-taqsima b’sitt punti mingħajr risposta għal skor ta’ 72-44. Fl-aħħar sessjoni, wara basket minn Maria Mifsud għal Valletta, Starlites wieġbu b’run ta’ 10-0 b’sitt punti minn Philippa Riolo. Fl-aħħar ħinijiet iż-żewġ timijiet irrispondew lil xulxin fejn Valletta kellhom it-trippli minn Malashenko u Grixti bi Starlites jagħlqu bil-punti ta’ Naudi u Amy Cassar Saguna u jerbħu l-partita 96-56.

Valletta Dream: A. Pisani 4, M. Pollacco 13, M. Trapani, O. Malashenko 27, M. Momcilovic 2, H. Grixti 8, M. Mifsud 2.

Starlites Revive: A. Cassar Saguna 2, M. Riolo 7, C. Cilia 2, P. Riolo 12, M. Zammit Cordina 14, M. Fenech 4, R. Naudi 16, G. Haverlock 14, L.M. Zammit 3, M. Napoleon 7, J. Abela 3, J. Dabic 12.

Referees: Andre Attard, Wendell Lim.

Athleta…………………….58   

Hibernians……………..101

(10-23)(16-25)(14-30)(18-23)

Hibernians irritornaw għar-rebħ b’wirja dominanti kontra Athleta u ħarġu rebbieħa 101-58 f’partita li kkontrollaw kważi kompletament mill-bidu. Hibs kienu aggressivi fid-difiża u sfruttaw aħjar it-turnovers biex jiġbru 24 punt minn dawn is-sitwazzjonijiet, filwaqt li ddominaw ukoll taħt il-basket b’58 punt fiż-żona. Il-vantaġġ tagħhom kompla jikber grazzi għall-kontroll tat-tieni opportunitajiet b’31 punt minn offensive rebounds u ritmu offensiv effiċjenti ta’ 1.25 punti kull pussess. Athleta sabu diffikultà kbira biex jidħlu fir-ritmu tal-partita u qatt ma rnexxielhom jieħdu l-vantaġġ tul il-konfront. Athleta rkupraw lil Anthea Micallef u Sharon Vella filwaqt li Hibs kienu mingħajr Iona Agius. Hibs mal-ewwel fetħu fuq l-offensiva u bdew bi trippla ta’ Steffi De Martino u komplew bil-punti minn Josephine Diaby u Hayley Macleod f’run inizzjali ta’ 19-2. Athleta kellhom żewġ trippli wara xulxin minn Macy Tyler Smith u Kaya Calleja bil-Hibs jagħlqu t-taqsima bil-punti ta’ Macleod għal skor ta’ 23-10. Fit-tieni perjodu, Athleta bdew b’basket minn Julia Schembri u trippla ta’ Smith qabel ma Hibs reġgħu għamlu run ta’ 14-3 bi trippli ta’ Macleod u De Martino għal skor ta’ 39-18. Laura Camilleri u Calleja irrispondew għal Athleta però Hibs komplew b’aktar trippli minn De Martino, Lara Micallef u Marie Buhagiar biex daħlu jistrieħu 48-26 minn fuq.

Fit-tielet taqsima, Hibs bdew bi trippla oħra ta’ Macleod u komplew b’aktar punti minn De Martino għal skor ta’ 58-27. Sharon Vella wieġbet għall-Athleta qabel ma De Martino għamlet tlett baskets wara xulxin. Minkejja s-sostituzzjonijiet ta’ Charles Bonnici, l-andament tal-partita baqa’ l-istess hekk kif kienet Kirstie Sammut li għamlet żewġ baskets oħra flimkien ma’ trippla ta’ Lecuyer għal skor ta’ 40-78. L-aħħar taqsima fetħet bil-punti ta’ Smith qabel ma Macleod kompliet bil-ġurnata posittiva tagħha u għamlet tlett baskets oħra wara xulxin. Smith u Kaya Abela wieġbu għall-Athleta b’De Martino tagħmel 8 punti konsekuttivi b’żewġ trippli. Hibs għaqqdu l-mitt punt b’basket ta’ Buhagiar hekk kif ħarġu rebbieħa 101-58.

Athleta: E. Farrugia, J. Schembri 2, B. Agius, N. Vella 2, K. Calleja 9, A. Micallef, K. Caruana 2, M. Tyler Smith 29, S. Vella 8, K. Abela 2, L. Camilleri 4, A. Pisani

Hibernians: M. Buhagiar 5, L. Micallef 7, E. Jovanovic, S. Lecuyer 5, M. Bonett, S. De Martino 31, M. Marmara, N. Farrugia, H. Macleod 37, J. Diaby 12, K. Sammut 4.

Referees: Gordon Barbara, Fiorentina Ciurariu