Lokali

Konferenza nazzjonali dwar l-Epilessija

Aktar minn 4,000 persuna dijanjostikati bl-epilessija f'Malta u Għawdex


It-titjib tal-kwalità tal-ħajja fl-epilessija ntgħażlet bħala t-tema tal-konferenza nazzjonali ta’din is-sena tal-Caritas Malta Epilepsy Association. Il-konferenza qed issir flimkien mad-Dipartiment tal-Farmakoloġija Klinika u t-Terapewtika, l-Università ta’ Malta. Il-konferenza se ssir fiċ-Ċentru Komunitarju ta’ Caritas, Caritas Community Centre, Triq Mountbatten, il-Ħamrun, nhar is-Sibt 21 ta’ Marzu.

Se tenfasizza aspetti prattiċi ta’ kif il-kwalità tal-ħajja tista’ tittejjeb f’persuni bl-epilessija u l-qraba tagħhom. Hemm aktar minn 4,000 persuna li ġew iddijanjostikati bl-epilessija f’Malta u Għawdex. L-epilessija ħafna drabi hija kundizzjoni medika moħbija li teħtieġ diversi servizzi mediċi u ta’ appoġġ u tista’ taffettwa ħafna l-ħajja soċjali u personali ta’ persuna. Il-konferenza se tinfetaħ mill-ET Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta. Fost il-kelliema se jkun hemm il-Prof Gus Baker, l-Università ta’ Liverpool, ir-Renju Unit u s-Segretarju Ġenerali tal-Uffiċċju Internazzjonali għall-Epilessija. Se jkun hemm ukoll diversi kelliema lokali distinti kif ukoll sessjoni interattiva.

Din il-konferenza se tkun ta’ interess speċifiku għal persuni bl-epilessija u l-familji tagħhom u
diversi professjonisti tal-kura tas-saħħa u studenti li jaħdmu ma’ persuni bl-epilessija. Il-ħlas
tar-reġistrazzjoni u aktar dettalji jistgħu jinstabu fuq:
https://tinyurl.com/maltaepilepsyconference2026

Hemm numru limitat ta’ postijiet disponibbli, għalhekk applika kmieni biex tevita diżappunt!