David Taylor, li allegatament ħadem mal-Gvern Malti fl-2017, jinsab taħt investigazzjoni dwar suspett ta’ spjunaġġ għal ċerti ċrieki b’konnessjonijiet maċ-Ċina. Huwa r-raġel ta’ Joani Reid, Membru Parlamentari Laburista Ingliża li, wara l-arrest ta’ żewġha, kienet sospiża mill-partit.
Dan David Taylor, konsulent politiku internazzjonali, li jinsab fiċ-ċentru ta’ investigazzjoni sensittiva dwar spjunaġġ favur ic-Ċina, qed jissemma f’rapporti fl-istampa Ingliża dwar il-fatt li ħadem bħala konsulent tal-Gvern Malti fl-2017 meta l-pajjiż kien immexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat.
Id-dettalji tal-konnessjoni ta’ Taylor f’Malta għadhom mhux ċari u mhux magħrufa sew ma’ liema Ministeru partikolari kellu xi kuntratt iżda kien hemm min spekula li l-Gvern Malti kien xtara s-servizzi ta’ Taylor biex jgħinu fil-kampanja elettorali tal-2017.
Taylor hu miżżewweġ lill-MP Laburista Ingliza Joanni Reid li kienet sospiża mill-partit hekk kif qed ikun eżaminat jekk kienx hemm xi riskju jew kunflitt potenzjali relatat mal-kuntratti u l-attivitajiet professjonali ta’ Taylor.
Il-konnessjoni ma’ Malta qed tissemma fil-kuntest tal-karriera internazzjonali tiegħu bħala konsulent politiku li, skont rapporti, kienet tinvolvi xogħol jew pariri lil gvernijiet u persunaġġi politiċi f’diversi pajjiżi.
Il-kuntratti tiegħu f’diversi pajjiżi qed ikunu analizzati mill-awtoritajiet bħala parti mill-investigazzjoni li għaddejja.
Il-konnessjoni ta’ Taylor ma’ Malta ssemmiet fost l-oħrajn mill-gazzetti Ingliżi The Times u Daily Mail li qalu li hu kien involut f’xogħol ta’ konsulenza mal-Gvern Malti fl-2017.
Dawn il-gazzetti rreferew għall-involviment tiegħu f’Malta bħala parti minn karriera ta’ konsulent internazzjonali li matulha ħadem ukoll fil-Karibew u f’pajjiżi Għarab.
Il-gazzetti qalu wkoll li Taylor inħeles bi pleġġ iżda l-każ għadu qed ikun investigat u aktar żviluppi mistennija għall-ħabta ta’ Mejju.
Esperti u osservaturi dwar dan il-każ qalu li dak li seħħ b’rabta ma’ Taylor jista’ jipprovdi opportunità ta’ għarfien fil-mod kif konsulenti internazzjonali jaħdmu f’pajjiżi żgħar bħal Malta u kif dawn il-konnessjonijiet jistgħu jinfluwenzaw il-politika u l-immaġini internazzjonali.
//= $special ?>

