Internazzjonali

L-Indja: Mejtin u midruba b’kaġun tan-nirien fi sptar

Fl-Indja, mietu tal-anqas għaxra b’kaġun tan-nirien li ħakmu f’ċentru ta’ sptar għall-pazjenti li qed ibatu mill-forom ta’ trawma. It-traġedja seħħet fl-Istat ta’ Odisha u fejn fl-aħħar sigħat kienu għaddejjin l-investigazzjonijiet relatati.

Il-vittmi kollha tan-nirien kienu pazjenti waqt li diversi membri tal-istaff kellhom ikunu trattati għall-ġrieħi. Feriti li huma sofrew waqt li kienu qed jippruvaw isalvaw lill-pazjenti.

Mifhum li n-nirien x’aktarx kienu dovuti għal short circuit fis-sistema tal-elettriku tal-isptar li jinsab fil-belt ta’ Cuttack.

Din mhix l-ewwel darba li n-nirien ħakmu xi sptar fl-Indja u s-sitwazzjoni f’Odisha kienet ikkontrollata biss wara li l-iskwadri għall-emerġenza wieġbu minnufih għall-kriżi.

Sitwazzjoni fejn il-pazjenti kellhom ikunu rilokati b’urġenza lejn dipartimenti oħrajn tal-istess sptar.

L-isptar inkwistjoni, sadanittant, hi waħda mill-akbar faċilitajiet mediċi tal-Gvern fl-Istat ta’ Odisha.

Intant, il-Ministeru tas-Saħħa Indjan ikkonferma wkoll li n-nirien infirxu wkoll għas-swali tal-isptar iżda b’xorti tajba l-pazjenti kienu diġà evakwati mill-inħawi.

Il-Ministeru anki rringrazzja u faħħar lill-membri tal-istaff tal-isptar wara li huma ssugraw ħajjithom biex isalvaw lill-pazjenti minn mewta ċerta.