Internazzjonali

L-Iran jimmira għall-faċilitajiet taż-żejt tal-Golf

e

Fl-aħħar sigħat, il-missili tal-Iranjani laqtu lill-akbar faċilità għall-ħażniet taż-żejt fl-Emirati Għarab flimkien mal-port ewlieni fl-inħawi ta’ Fujairah.

Id-drones tal-Iranjani laqtu wkoll lill-ajruport internazzjonali ta’ Dubaj fost l-istrateġija ta’ Teheran biex ikompli bl-attakki fuq il-vapuri tal-merkanzija fl-ibħra tal-Golf u l-infrastruttura taż-żejt li hi ferm importanti għall-interessi tal-Amerikani f’dawk iz-zoni.

L-aħħar rapporti qalu t-titjiriet lejn Dubaj kellhom ikunu sospiżi temporanjament minħabba li qabdu n-nirien fil-limiti tal-ajruport b’kaġun ta’ inċident relatat mad-drones.

Is-sitwazzjoni fir-Rotta ta’ Hormuz sadanittant kompliet tħasseb lill-Istati tal-Punent u meta l-President Amerikan Donald Trump qed jinsisti biex il-pajjiżi tan-NATO – fosthom Franza, ir-Renju Unit u l-Kanada – flimkien ma’ pajjiżi Asjatiċi bħall-Ġappun u l-Korea t’Isfel jibagħtu l-vapuri tal-gwerra tagħhom bħala skorta għat-tankers li jinsabu waqfien fl-ibħra partikulari.

Trump, f’din is-sitwazzjoni, qed jitlob anki għall-għajnuna mingħand iċ-Ċina waqt din l-emerġenza.

Madankollu, il-pajjiżi mhumiex iwieġbu bil-ħerqa għas-sejħa ta’ Trump… dan waqt li l-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer, għamilha ċara li r-Renju Unit – il-pajjiż bir-Relazzjoni Speċjali mal-Istati Uniti – mhux se jidħol direttament fil-gwerra mal-Iran. Starmer qal ukoll li l-Gvern Britanniku qed jaħdem flimkien mal-Alleati dwar pjan effettiv u vijabbli biex ir-Rotta ta’ Hormuz tinfetaħ mill-ġdid għax-shipping kummerċjali.

Fl-istess ħin, Trump qed jistenna xorta l-appoġġ militari sinifikanti mingħand l-Alleati għal din il-gwerra. Hu, fl-aħħar sigħat, hedded li jekk ma jingħatax dan l-appoġġ għandha tinqala’ sitwazzjoni ħażina ħafna għall-futur tan-NATO – u fost l-insistenza li s-sigurtà fir-Rotta ta’ Hormuz għandha tieħu kull preċedenza minħabba t-trasport taż-żejt lill-pajjiżi minn dik iz-zona.

L-Alleanza tan-NATO, sadanittant, qalet li l-Alleati diġà ħadu l-passi biex jipprovdu sigurtà addizzjonali fil-Baħar Mediterran u meta l-pajjiżi membri qed isegwu b’attenzjoni l-aħħar żviluppi.

Fl-aħħar sigħat ukoll, kompliet il-mewġa tal-attakki mill-Istati Uniti u Iżrael fuq l-Iran – bl-Iżraeljani jwettqu anki azzjonijiet militari mill-art kontra l-milizji tal-Ħeżbollah, alleati tal-Iran, fl-artijiet tal-Libanu.