Il-Grupp Teatrali 14 ta’ Jannar fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa A.D. 1990, ser ittella’ rappreżentazzjoni marbuta ma’ żmien il-Ġimgħa Imqaddsa – Patt Qarrieq.
Dramm tal-passjoni li ser ikun qiegħed jiġi mtella’ fis-Sala Anthony Camilleri, is-sala prinċipali tal-Każin, fi Triq Birżebbuġa, f’Birżebbuġa.
Din hija rappreżentazzjoni li toħroġ perfettament l-emozzjonijiet li jġib miegħu dan iż-żmien tant qaddis. Rappreżentazzjoni li ġġiegħlek tirrifletti u taħseb, x’kienet ir-raġuni li ġara dak li ġara? Min hu responsabbli ta’ dan kollu? U liema ‘Patt Qarrieq’ wassal għal akbar ġrajja tad-dinja.
Dramm imżewwaq b’atturi rinomati; bħall-attur veteran Mario Sant fil-parti ta’ Annas, u l-attriċi Bernardette Ferrando fil-parti tal-Madonna. Dan fost atturi ġodda u oħrajn li dejjem ħadu sehem f’rappreżentazzjonijiet passati.




Apparti min hekk dan id-dramm ser jkun wkoll qed isir f’ġieħ il-memorja ta’ Steven Farrugia, id-direttur u kittieb responsabbli mill-grupp teatrali – U li ħalla din id-dinja propju fil-Ġimgħa l-Kbira ta’ sena ilu. Filfatt kien hu li kiteb dan id-dramm li ser ikun qiegħed jitella’ din is-sena, taħt id-direzzjoni ta’ Klein Debono.
Ir-rappreżentazzjonijiet ser jkunu mifruxa bejn il-Ħadd 29 ta’ Marzu fil-11:15am, L-Erbgħa 1 ta’ April fis-7:30pm, il-Ħamis 2 ta’ April fit-8:30pm u fid-9:30pm u fit-3 ta’ April fl-10:30am, propju fil-Ġimgħa l-Kbira. Dan filwaqt li dħul huwa b’xejn – bid-donazzjonijiet ikunu ferm aprezzati.



