Il-kwadru titulari tal-kappella dedikata lill-Madonna ta’ Manresa f’Casa Manresa fil-Furjana, impitter mill-artist famuż Antoine Favray, ġie restawrat f’għeluq il-275 anniversarju mill-ftuħ uffiċjali u t-tberik tal-binja storika.
Ir-restawr tal-kwadru sar matul din l-aħħar sena minn Amy Sciberras u t-tim ta’ konservaturi tagħha, u juri lil San Injazju ta’ Loyola jikteb ‘L-Eżerċizzi Spiritwali’ waqt id-dixxerniment tiegħu f’Manresa taħt il-ħarsa materna tal-Madonna u binha Ġesù.
Favray ħadem ukoll erba’ pitturi għall-artali laterali tal-kappella u żewġ ovali bit-tema tad-dixxerniment u tal-mewta t-tajba, li jsaħħu l-etos spiritwali ta’ Casa Manresa. Huwa ħadem ukoll fuq il-pittura tal-Missier Etern li kienet tinsab fil-koppla qabel ma nbniet il-lanterna preżenti.
Il-kwadru restawrat, li jmur lura għall-1748, ġie inawgurat mill-Arċisqof Charles Scicluna f’ċerimonja li għaliha attendew l-Isqof Joseph Galea-Curmi, is-Segretarju Amministrattiv Michael Pace Ross u mistednin oħra.
Casa Manresa ġiet inawgurata u mbierka solennement fis-16 ta’ Marzu 1751 mill-Isqof ta’ Malta Alphéran de Bussan. Għall-okkażjoni kien preżenti l-Gran Mastru tal-Ordni ta’ San Ġwann, Manuel Pinto de Fonseca. Aktar tard il-binja serviet bħala seminarju, u llum hija l-Kurja tal-Arċisqof ta’ Malta.
Dokument antik li nstab riċentement u li kien parti minn pjanta ta’ Casa Manresa tefa’ dawl ġdid fuq it-tlestija u l-inawgurazzjoni tas-Santa Casa della Madonna di Manresa, li nbniet taħt il-kura tal-Ġiżwita Fra Pier Francesco Rosignoli.
Casa Manresa taf il-bidu tagħha meta Rosignoli wasal Malta madwar l-1742 u beda jmexxi eżerċizzi spiritwali fil-Belt Valletta. Dawn l-eżerċizzi, ibbażati fuq l-Eżerċizzi Spiritwali ta’ San Injazju ta’ Loyola, huma strutturati fuq meditazzjonijiet dwar id-dnub, il-ħajja ta’ Kristu, il-Passjoni u l-Qawmien Tiegħu, u kellhom l-għan li jgħinu lil dawk li Jipparteċipaw fihom jirriflettu fuq ħajjithom u jħejju ruħhom spiritwalment għall-mument deċiżiv tal-mewt.
Rosignoli aktar tard sab proprjetà aktar kwieta fil-Furjana fejn beda jorganizza dawn l-eżerċizzi. Ftit żmien wara, permezz ta’ donazzjonijiet mingħand diversi benefatturi Maltin u kavallieri tal-Ordni, b’mod partikolari dawk Portugiżi, beda l-proġett tal-bini ta’ Casa Manresa.
Hu nnifsu offra d-dħul ta’ 200 skud li kien jirċievi mill-familja tiegħu kull sena. Donazzjoni importanti oħra waslet mingħand Pedro III (Infante) tal-Portugall, li fi tfulitu kien irċieva edukazzjoni mingħand il-Ġiżwiti u li ta kontribut sostanzjali għall-bini. Fuq il-bieb prinċipali tal-kappella dedikata lill-Madonna ta’ Manresa għadha tidher irħama bl-arma tiegħu, b’tifkira tal-għajnuna tiegħu, bid-data 1749.
Dan il-275 anniversarju jfakkar mhux biss il-valur storiku u spiritwali ta’ Casa Manresa, iżda wkoll ir-rwol tagħha fil-ħajja reliġjuża ta’ Malta matul is-sekli, kif ukoll il-valur artistiku u patrimonjali tagħha bħala parti mill-wirt kulturali u nazzjonali tal-pajjiż.


