Knisja Lokali

Tifel Malti jagħti bandiera Maltija lill-Papa

Mument sabiħ u spontanju seħħ ilbieraħ waqt iż-żjara tal-Papa Ljun XIV fil-Parroċċa tas-Sacro Cuore di Gesù f’Ruma, meta tifel Malti resaq lejn il-Papa u tah bandiera Maltija.

It-tifel huwa Gianluca Caruana, iben Henri u Mariella Caruana. Hu resaq lejn il-Papa waqt il-laqgħa mal-familji u t-tfal fil-parroċċa, u b’entużjażmu tah il-bandiera Maltija.

Il-Papa Ljun waqaf jitkellem mat-tifel u laqa’ b’sorpriża u tbissima dan il-ġest, li sar f’ambjent ta’ ferħ u qrubija mal-komunità preżenti.

Din kienet l-aħħar minn sensiela ta’ żjarat tiegħu fost il-parroċċi Rumani. Matul iż-żjara huwa ltaqa’ mal-parruċċani, familji u tfal, fejn ħeġġeġ lill-komunità tkompli tkun sinjal ta’ tama u solidarjetà fil-ħajja ta’ kuljum. Il-Papa enfasizza l-importanza li l-Knisja tibqa’ qrib in-nies, speċjalment dawk li qed jiffaċċjaw diffikultajiet soċjali u personali.

Din il-parroċċa amministrata mill-Kappillan Għawdxi Fr Franz Refalo tinsab f’żona magħrufa għall-ħidma pastorali tagħha mal-familji u ż-żgħażagħ.