Futbol Sport

Dylan Scicluna l-aqwa plejer tax-xahar għal Frar fl-A-League Awstraljan

Il-Malti-Awstraljan Dylan Scicluna
Il-Malti-Awstraljan Dylan Scicluna

Il-midfielder internazzjonali Malti u ta’ Western Sydney Wanderers, Dylan Scicluna, intgħażel bħala l-Plejer tax-Xahar għal Frar tal-A-League Awstraljan wara votazzjoni mill-partitarji.

Il-plejer ta’ 21 sena wera forma individwali mill-aqwa mal-Wanderers minn meta rkupra kompletament minn injury fl-ACL li ħallitu barra mil-logħon għal perjodu twil u li sofra matul l-istaġun 2024-25 tal-A-League.

Western Sydney Wanderers kellhom diffikultajiet biex iżommu l-konsistenza dan l-istaġun hekk kif qed jippruvaw jibqgħu fil-ġlieda biex jiksbu post fil-finali, iżda l-forma ta’ Scicluna kienet waħda mill-aqwa punti tal-kampanja tagħhom s’issa.

Minn meta reġa’ kiseb postu fit-tim ewlieni, il-wirjiet ta’ Scicluna rawh jitla’ fil-klassifiki tal-istatistiċi tal-Wanderers, fejn il-midfielder qed ikun fost l-aqw f’kategoriji bħall-medja ta’ tackles f’90 minuta (4.7) u pussess tal-ballun mirbuħ fl-aħħar terz tal-pitch.

Il-plejer ta’ 21 sena kien nominat għall-premju ta’ Plejer tax-Xahar f’Frar bħala wieħed mill-aqwa 10 plejers skont sistema apposta li titħaddem fl-A-League tal-Awstralja biex kull xahar jintgħażel il-plejer tax-xahar.