Il-Qorti rat filmati li wrew lil Joseph Zahra jjattakka uffiċjali korrettivi u jhedded spettur tal-pulizija u jgħidlu li kieku fittxu d-dar kien “jiġbidlu tir”.
Joseph Zahra kien tressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati akkużat li f’Diċembru tal-2022 attakka u rreżista b’vjolenza lill-uffiċjali korrettivi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom ġewwa l-Qorti.
Minbarra dan, huwa nstab ħati li hedded u nġurja lil spettur, u li kkawża ħsara volontarja f’siġġu tar-roti tal-Gvern li l-valur tiegħu ammonta għal madwar €350, kif ukoll li kiser il-paċi pubblika.
Għal dawn ir-reati, l-Ewwel Qorti kienet ikkundannatu għal 14-il xahar priġunerija effettivi u multa ta’ €5,000, filwaqt li ordnatlu jħallas l-ispejjeż tad-danni u ħarġet ordni ta’ trażżin għal tliet snin favur il-vittmi.
Zahra appella s-sentenza mogħtija. Huwa allegai li r-rapporti tal-pulizija ma kinux jirriflettu r-realtà u li l-filmati tas-sigurtà ppreżentati bħala prova kienu manipulati.
Madankollu, l-Imħallef Neville Camilleri fis-sentenza tiegħu t-Tlieta, wara li eżamina mill-ġdid l-atti kollha tal-każ, innota li ma kien hemm ebda diskrepanza bejn ix-xhieda tal-ispettur u r-rapporti uffiċjali.
Ix-xhieda kienet kkonfermat li Zahra kien hedded lill-uffiċjali billi qalilhom “niġbdilkom il-grillu” u kien qal lill-ispettur li kieku fittxu d-dar “kont niġbidlek tir”.
Il-Qorti sabet ukoll li l-filmati tas-sigurtà kienu ċari u wrew lill-appellant jagħti daqqiet lil-lift bis-siġġu tar-roti sakemm dan inkiser, u anke pprova jattakka lil wieħed mill-uffiċjali billi uża l-krozza li kellu miegħu.
Dwar l-ilment ta’ Zahra li l-piena kienet waħda ħarxa wisq, il-Qorti tal-Appell saħqet li d-deċiżjoni tal-Ewwel Qorti kienet perfettament fil-parametri stabbiliti mil-liġi.
L-Imħallef innota li l-proċess ta’ kif tingħata s-sentenza hi arti u mhux xjenza matematika u li l-Qorti m’għandhiex tiddisturba d-diskrezzjoni tal-ewwel qorti sakemm ma jkunx hemm żball fil-prinċipju.
Fil-każ ta’ Zahra, il-Qorti qieset ukoll il-fedina penali tiegħu, li ġiet deskritta bħala waħda “ferm voluminuża”, li tindika li din ma kinitx l-ewwel darba li huwa kiser il-liġi.
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell ċaħdet it-talbiet kollha ta’ Zahra u kkonfermat is-sentenza ta’ priġunerija u l-multa fl-intier tagħhom.
//= $special ?>

