“Il-birra, il-mużika u l-kulur tradizzjonali aħdar tal-Irlandiż.” Kienu dawn il-karatteristiċi li ddominaw it-toroq ta’ San Ġiljan hekk kif mijiet ta’ Maltin u turisti nġabru sabiex jiċċelebraw il-festa ta’ San Patrizju.
Din il-ġurnata tiġi ċċelebrata kull sena fis-17 ta’ Marzu, u hija ċelebrazzjoni globali tal-kultura Irlandiża u l-qaddis patrun tal-Irlanda.
Maż-żmien, dawn iċ-ċelebrazzjonijiet inxterdu mad-dinja kollha, partikolarment wara li numru ta’ Irlandiżi emigraw lejn l-Istati Uniti, fejn żammew iċ-ċelebrazzjonijiet tagħhom ħajjin.
Jum San Patrizju, issa, hija waħda mill-akbar festi ċċelebrata madwar id-dinja, fosthom f’pajjiżna, fejn partikolarment tiġi ċċelebrata bi street party kbira fil-bajja ta’ Spinola.
NET News mar San Ġiljan kmieni wara nofsinhar fejn tkellem ma’ diversi persuni li kienu qed jiċċelebraw il-festa ta’ San Patrizju.
Intant, Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg ukoll żar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa ta’ San Patrizju f’San Ġiljan fejn iltaqa’ ma’ numru ta’ żgħażagħ li lkoll kienu qed jiddevertu, jieklu flimkien, jew iqattgħu ħin ta’ mistriħ mal-ħbieb tagħhom – ċelebrazzjoni li fiha spikkaw il-kulur aħdar, il-mużika u żfin sa tard bil-lejl.
//= $special ?>

