Nhar it-Tlieta, il-Qorti ċaħdet il-kawża kostituzzjonali ta’ Carlos Dimech u Keith Testa, li flimkien mal-kumpanija Pietà Marina Caterers Ltd li topera r-ristorant Onda Blu f’tal-Pietà, qed jiffaċċjaw akkużi ta’ ħasil ta’ flus u reati finanzjarji oħra.
Dimech u Testa argumentaw li l-ordni ta’ qbid u ffriżar imposta fuq l-assi kollha tagħhom fl-2021 kienet “drakonjana” u sproporzjonata, l-aktar għax kienet tolqot anke proprjetà akkwistata b’mod leġittimi, u mhux biss ir-rikavat allegat mill-kriminalità.
Huma lmentaw ukoll li s-somma ta’ madwar €600 kull ħmistax-il ġurnata li t-tribunal kien awtorizza għall-għajxien tagħhom ma kinitx biżżejjed biex persuna tgħix ħajja deċenti, speċjalment meta l-proċeduri kriminali jdumu s-snin biex jiġu konklużi.
Meta analizzat il-mertu tal-ilmenti, l-Imħallef Rachel Montebello nnutat li d-dritt għat-tgawdija tal-proprjetà mhuwiex wieħed assolut u li l-liġi tippermetti lill-Istat jikkontrolla l-użu tal-proprjetà fl-interess ġenerali, partikolarment fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fejn huwa diffiċli li tiddistingwi mill-ewwel bejn assi leċiti u dawk illeċiti.
Il-Qorti saħqet li din l-ordni hija miżura kawtelatorja u mhux penali, bl-għan li tiżgura li l-assi ma jisparixxux f’każ li l-akkużati jinstabu ħatja u l-assi jiġu kkonfiskati.
Il-Qorti osservat li l-akkużati kellhom il-jedd li jappellaw mid-deċiżjoni tal-ħruġ tal-ordni quddiem il-Qorti Kriminali fi żmien tlett ijiem, iżda m’għamlux dan.
“Ir-rimedji kollha, komplessivament, huma wesgħin biżżejjed biex tintlaħaq proporzjonalità xierqa u ġusta,” stqarret il-Qorti, filwaqt li nnutat li matul il-kumpilazzjoni, Dimech u Testa fil-fatt ingħataw diversi varjazzjonijiet biex iħallsu djun lil banek, iġeddu poloz ta’ assigurazzjoni u jirċievu flejjes minn kirjiet, fatt li juri li r-rimedju legali kien effettiv fil-prattika.
Dwar is-somma għall-għajxien, il-Qorti ddeċidiet li l-ammont ta’ €15,600 fis-sena huwa ogħla mill-paga minima nazzjonali u li d-dritt għat-tgawdija tal-proprjetà ma jfissirx li persuna akkużata għandha dritt għall-istess “kumdità finanzjarja” li kellha qabel.
L-Imħallef Montebello enfasizzat li f’każ li ma jinstabux ħatja, il-proprjetà kollha tiġi rilaxxata lura lill-individwu biż-żieda kollha fil-valur, inkluż l-imgħaxijiet.
Fl-aħħar nett, il-Qorti ċċarat li r-riformi reċenti introdotti bl-Att VI tal-2024, li issa jitolbu ffriżar aktar immirat, ma jfissrux li l-liġi ta’ qabel kienet tmur kontra l-Kostituzzjoni, iżda sempliċement li l-leġiżlatur għażel li jtejjeb il-bilanċ bejn l-interessi tal-Istat u dawk tal-individwu.
Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet it-talbiet kollha u ordnat li l-ispejjeż tal-kawża jitħallsu minn Dimech u Testa.
//= $special ?>

