Lokali Qorti

Il-Qorti tordna x-xoljiment u l-istralċ tal-kumpanija tal-gaming Betago Ltd

L-Imħallef Ian Spiteri Bailey ordna x-xoljiment u l-istralċ immedjat tal-kumpanija Betago Ltd wara li nstabu ammont ta’ nuqqasijiet gravi kemm fir-regolamenti tal-gaming kif ukoll fl-Att dwar il-Kumpaniji. Il-Qorti laqgħet it-talba tal-MGA wara li rriżulta b’mod ċar li s-soċjetà tinsab f’sitwazzjoni fejn ma tistax tħallas id-djun tagħha u tinsab fi stat ta’ abbandun amministrattiv.

Irriżulta li BetagoLtd tħalliet mingħajr diretturi għal perjodu twil ħafna. Mid-dokumenti ppreżentati mir-Reġistratur tal-Kumpaniji, irriżulta li d-diretturi Iosif Galea u Marie Therese Spiteri rriżenjaw mill-karigi tagħhom f’Diċembru 2021 u Frar 2022 rispettivament.

Galea kien ġie kkundannat sentejn u nofs ħabs fuq evażjoni ta’ taxxa minn qorti Ġermaniża fl-2022. Wara li skonta s-sentenza, huwa reġà tressaq il-qorti f’Malta akkużat b’ ħasil ta’ flus fost l-oħrajn.

Minn dakinhar, in-numru ta’ diretturi baqa’ taħt il-minimu preskritt mil-liġi għal aktar minn sitt xhur, fatt li skont il-liġi, għandu jwassal biex il-kumpanija tiġi xolta awtomatikament mill-Qorti. Apparti n-nuqqas ta’ tmexxija, Betago Ltd akkumulat djun sostanzjali mal-MGA li jammontaw għal €85,698.91.

Barra minn hekk, il-kumpanija naqset milli tissottometti r-rapporti finanzjarji awditjati tagħha għas-snin 2020 u 2021.

L-MGA enfasizzat id-dmir tagħha li tipproteġi lil dawk li jużaw is-servizzi tal-gaming, b’madwar 23 persuna s’issa jressqu lmenti uffiċjali għax ma jistgħux jaċċessaw flushom.

Filwaqt li rapport tal-2022 indika li kien hemm madwar €13,500 f’fondi tal-utenti, l-ilmenti li rċeviet l-Awtorità juru li l-ammont jlaħħaq l-€24,571.

Is-sitwazzjoni saret aktar ikkumplikata għaliex l-informazzjoni kollha tal-utenti tinsab fuq server fil-Ġermanja operat mill-kumpanija MCON Germany GmbH. Betago Ltd għandha dejn pendenti ta’ €159,688.67 ma’ din il-kumpanija Ġermaniża, u b’konsegwenza ta’ dan, l-aċċess għal din l-informazzjoni essenzjali ġie mblukkat.

Dan ifisser li s-soċjetà mhijiex f’pożizzjoni li tidentifika b’mod preċiż liema individwi jappartjenu l-fondi, li skont il-liġi għandhom jiffurmaw “patrocinju separat u distint mill-assi tas-soċjetà”.

Fid-dawl ta’ dawn il-fatti “mhux kontestati”, il-Qorti ddikjarat li Betago għandha tiġi xolta u sussegwentement stralċjata b’effett retroattiv mis-26 ta’ Mejju 2023.