Lokali

“Ir-riforma tal-etika tinjora l-problema reali u l-Gvern għandu jiftaħ konsultazzjoni pubblika” – Repubblika

Repubblika tinnota l-emendi proposti mill-Gvern għall-Kodiċi tal-Etika tal-Membri tal-Kamra tad-Deputati u tal-Ministri.

Fi stqarrija l-għaqda Repubblika sostniet li għalkemm dawn il-proposti jintroduċu regoli aktar stretti għall-Membri Parlamentari, jonqsu milli jindirizzaw l-oqsma fejn ir-riskju ta’ korruzzjoni huwa l-ogħla: l-eżerċizzju tal-poter mill-Ministri u mill-eżekuttiv.

Repubblika kompliet tgħid Il-Ministri jissorveljaw fondi pubbliċi, jagħtu kuntratti, joħorġu liċenzji, u jinfluwenzaw il-liġijiet, ħafna drabi barra mill-Parlament. Madankollu, ir-riforma tagħmel biss tibdil minuri fir-regoli li japplikaw għalihom.

L-għaqda qalet li ma hemmx sistema ċara għall-pubblikazzjoni regolari u pubblika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi u tal-interessi. L-informazzjoni tista’ tiġi ppreżentata lill-Parlament iżda tibqa’ mhux aċċessibbli għall-pubbliku.

Repubblika qalet li dan it-tħassib jiġi msaħħaħ bid-deċiżjoni tal-bieraħ tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Istandards li ma jħallix lill-Kummissarju jippubblika deċiżjonijiet li fihom ma jinfetħux investigazzjonijiet.

Repubblika temmet tħeġġeġ lill-Gvern sabiex jiftaħ din ir-riforma għal konsultazzjoni pubblika, mhux biss għal diskussjoni mal-Oppożizzjoni.

Finalment qalet li r-regoli tal-etika għandhom iservu lill-pubbliku, mhux jipproteġu lil min għandu l-poter mill-iskrutinju.