Futbol Sport

L-Iran tista’ tilgħab fil-Messiku minħabba tensjonijiet politiċi

Il-President tal-Federazzjoni tal-Futbol fl-Iran, Mehdi Taj.
Il-President tal-Federazzjoni tal-Futbol fl-Iran, Mehdi Taj.

Il-Federazzjoni tal-Futbol Iranjana qed tinnegozja mal-FIFA biex il-partiti tagħha fit-Tazza tad-Dinja li se tintlagħab fis-sajf li ġej, jiġu trasferiti mill-Istati Uniti lejn il-Messiku minħabba tħassib dwar is-sigurtà tal-plejers.

Il-President tal-Federazzjoni tal-Futbol fl-Iran, Mehdi Taj, qal li wara li l-President Amerikan Donald Trump iddikjara li ma jistax jiggarantixxi s-sigurtà tat-tim Iranjan, l-Iran ma tistax tivvjaġġa lejn l-Amerika.

Il-Ministru tal-Isport Iranjan kien qal il-ġimgħa li għaddiet li l-plejers ma jistgħux jipparteċipaw fit-turnament globali wara attakki mill-ajru mill-Istati Uniti u l-Iżrael lejn l-Iran f’Frar, li fihom inqatel il-mexxej suprem u diversi uffiċjali oħra.

Trump qal li t-tim Iranjan huwa milqugħ biex jipparteċipa, iżda fl-istess waqt, il-President tal-Istati Uniti, ikkontradixxa lilu nnifsu meta qal li jaf ma jkunx xieraq li jilagħbu fl-Istati Uniti minħabba s-sigurtà tagħhom.

L-Iran, li kienet l-ewwel nazzjon Asjatiku li kkwalifika għall-edizzjoni li jmiss tat-Tazza tad-Dinja, għandha tilgħab żewġ logħbiet f’Los Angeles u waħda f’Seattle; it-tnejn bliet fl-Istati Uniti. Il-gwerra bejn l-Istati Uniti, l-Iżrael u l-Iran ilha għaddejja tliet ġimgħat.