Opinjoni

‘One size fits all’ … approċċ li mhux dejjem jaħdem

Fis-settur pubbliku spiss nisimgħu b’regoli u skemi mfassla biex japplikaw għal kulħadd bl-istess mod

Ivan Bartolo
Shadow Minister
għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli,
il-Ġlieda Kontra l-Faqaru s-Solitudni

Dan l-approċċ, magħruf bħala ‘one size fits all’, jista’ jidher prattiku fuq il-karta:, jiġifieri ir-regolamenti huma ċari, kriterji definiti u proċeduri standard għal kulħadd.
Madankollu, fejn jidħol il-qasam soċjali, u min hu midħla ta’ dan jaf x’ qed ngħid, fejn kull persuna u kull familja għandha realtàjiet differenti, dan l-approċċ jista’ jsir problematiku.
Fil-fehma tiegħi, meta nitkellmu dwar każijiet soċjali għandna noqogħdu attenti ħafna milli nippruvaw inpoġġu sitwazzjonijiet umani kumplessi f’formula waħda. Il-ħajja tal-bnedmin ma tista’ qatt tkun bħal ta’ xulxin, wisq aktar l-isfidi tal-ħajja li jġarrbu. Għalhekk, politika li tipprova tapplika l-istess soluzzjoni għal kulħadd ħafna drabi tispiċċa twarrab f’ġenb ċertu sfidi anki serji f’ ġenb u ċirkostanzi individwali, li mhux ta’ min jinjora.
Eżempju ċar ta’ dan narawh fil-qasam tal-housing soċjali. L-iskemi ta’ assistenza għall-housing huma maħsuba biex jgħinu lil dawk li ma jistgħux jaffordjaw akkomodazzjoni adegwata. Madankollu, il-kriterji tal-eliġibbiltà ħafna drabi jkunu ibbażati fuq limiti stretti ta’ dħul jew kundizzjonijiet oħra amministrattivi. Fuq il-karta dan jidher ġust, iżda r-realtà ħafna drabi tkun aktar kumplessa. L-aktar ħaġa stramba li nara hija meta l-Awtoritá timxi fuq id-dħul li kellek is-sena ta’ qabel, meta mbagħad minħabba ċirkustanzi għall-għarrieda, fil-mument tkun ġejt lampa stampa u trid tgħaddi minn Revisory Board li ma jiiltaqax fl-immedjat.
Pereżempju, familja tista’ taqbeż il-limitu tad-dħul b’ammont żgħir ħafna u għalhekk ma tikkwalifikax għal għajnuna. Iżda jekk dik l-istess familja jkollha spejjeż mediċi għoljin, kura għal membru tal-familja jew sitwazzjoni ta’ separazzjoni, il-pressjoni finanzjarja tista’ tkun kbira ħafna. Sistema li tħares biss lejn numru fuq karta tista’ titlef il-kuntest reali tal-familja.
Sitwazzjoni oħra tista’ tinqala’ meta persuna tkun għexet barra minn Malta għal snin twal u terġa’ lura minħabba ċirkostanzi diffiċli, bħal ngħidu aħna problemi ta’ saħħa fiżika jew mentali, separazzjoni jew telf ta’ xogħol. F’xi każijiet, dawn il-persuni jistgħu jsibu ruħhom barra minn ċerti skemi ta’ housing għax ma jissodisfawx il-kundizzjoni ta’ residenza kontinwa. Madankollu, il-bżonn tagħhom jista’ jkun reali u urġenti. Problemi simili jistgħu jinqalgħu wkoll fil-qasam tal-guardianship u servizzi relatati ma’ persuni b’dizabbiltà. F’xi każijiet, il-liġi tistabbilixxi kriterji standard dwar min jista’ jassumi responsabbiltajiet legali għal persuna vulnerabbli. Dawn ir-regoli huma importanti biex jipproteġu lill-persuni vulnerabbli u biex ikun hemm kontroll legali. Madankollu, hemm sitwazzjonijiet fejn il-persuna l-aktar adattata biex tieħu ħsieb individwu tkun qarib li jgħix barra Malta jew li ma jaqax perfettament fil-kriterji stabbiliti.
Meta sistema tkun wisq rigida, hemm riskju li l-liġi titlef il-għan soċjali tagħha. Minflok ma tgħin lil min għandu bżonn, tista’ tispiċċa toħloq ostakli addizzjonali. Dan ma jfissirx li r-regoli mhumiex meħtieġa. Sistema mingħajr kriterji ċari tista’ twassal għal inġustizzji oħra jew saħansitra abbuż. Il-kwistjoni, għalhekk, mhijiex jekk għandux ikun hemm regoli jew le, iżda kemm dawn ir-regoli jħallu spazju għal valutazzjoni individwali.
Fil-qasam tax-xogħol soċjali, il-valutazzjoni tal-każ hija element fundamentali. Ix-xogħol tas-social workers u professjonisti oħra huwa propju li jifhmu s-sitwazzjoni kollha tal-persuna jew tal-familja: il-kundizzjonijiet ekonomiċi, is-saħħa u l-bennesseri soċjali tal-individwi, ir-relazzjonijiet familjari u r-riskji soċjali. Approċċ uman u realistiku jitlob li dawn il-fatturi kollha jiġu kkunsidrati.
Għalhekk, politika soċjali effettiva għandha ssib bilanċ bejn struttura u flessibbiltà. Ir-regoli għandhom ikunu ċari biżżejjed biex jiżguraw ġustizzja u trasparenza, iżda fl-istess ħin għandhom jippermettu spazju għal diskrezzjoni professjonali meta sitwazzjoni partikolari titlobha.
Fl-aħħar mill-aħħar, wara kull applikazzjoni għal skema soċjali hemm wiċċ u qalb, hemm bniedem ta’ vera, bi storja, diffikultajiet u bżonnijiet speċifiċi. Meta politika tinjora din ir-realtà, hemm riskju li titlef l-element uman tagħha. Għalhekk nemmen li fil-qasam tal-housing u każijiet soċjali oħra għandna noqogħdu attenti ħafna milli napplikaw mentalità ta’ ‘one size fits all’. Il-ġustizzja soċjali vera ma tinstabx biss fir-regoli uniformi, iżda fil-kapaċità tas sistema li tifhem u tirrispetta l-fatt li kull każ huwa differenti u jistħoqqlu valutazzjoni ġusta u individwali.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 15 ta’ Marzu, 2026.