Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali,
l-Identità Nazzjonali u d-Djalogu Interkulturali
Fid-dinja tagħna għandna bnedmin li jibqgħu determinanti fil-formazzjoni sħiħa tagħha. Dawk li jgħixu u jaħdmu bil-ħsieb li se jħallu l-memorja tagħhom mod fl-istorja mentri fir-realtà tmur f’dik differenti.
Jgħixu fil-linja li qabdu qabilna f’dak li kienu jsejħu u għadhom oħrajn warajhom jaħsbu għalih ‘Cursus Honorum’. Dik il-linja ta’ nkarigi f’pożizzjoniijet u ħatriet politiċi fl-Istat fejn il-bniedem jara lilu nnifsu tiela’ taraġ.
Dejjem aktar ’il fuq u fejn ma jarax lilu nnifsu nieżel lura ’l isfel. Imma anki jekk hekk ikun jew viċin dan xorta l-istorja tiddetermina kif jibqa’ magħruf jew f’liema forma ta’ importanza huwa jingħata.
Hekk qalu għalih
Fit-3 ta’ Jannar ta’ din s-sena ftakarna wkoll fit-twelid fl-106 QK ta’ wieħed minn dawn il-bnedmin. Marcus Tullius Cicero politiku, avukat, skular, filosfu, oratur u bniedem tal-Istat, mexa f’din id-dinja f’karriera f’parti sew dedikata għas-servizz ta’ Ruma.
Bħala bniedem kien ġej minn għeruq umli mhux mill-klassijiet ta’ fuq. Imma bl-intelliġenza l-aktar u bil-ħbiberiji u alleanzi wara li għamel sab ruħu fiċ-ċentru ta’ esperjenzi pubbliċi mill-iktar qawwija.
Ma kienx fl-unuri dejjem anzi għadda minn ħafna fil-kunflitti li daħal fihom ma’ Rumani oħra iktar importanti minnu. Beda kontra Gaius Verres dak li kien Gvernatur ta’ Sqallija u Malta u li Ċiċerun akkużah b’atti ta’ korruzzjoni. Wara li kien ġabar il-provi sew inkluż Maltin li kienu marru jkellmuh biex jirrappurtaw kemm dan kien seraq u ħa mit-tempji f’żejt u għasel fost l-oħrajn.
Mhux ward
Il-karriera, dak li sejjaħna ‘Cursus Honorum’ tiegħu kienet eżemplari imma fl-eventi li żviluppaw wara l-qtil ta’ Ġulju Cesri (100QK-44QK) li seħħet fil-15 ta’ Marzu 44QK ma baqax dak li kien fl-importanza li kien laħaq. Imma f’ħajtu kiteb ħafna u ħalla daqshekk ieħor kitba warajh.
Ninsabu fil-fortuna li dan l-bniedem li mhux biss irrifletta u kiteb imma wkoll li ħa ħsieb jittraduċi mill-Grieg għal-Latin diversi kitbiet klassiċi. L-użu tal-Latin tiegħu kien partikolari u bihom qaddisin kbar bħal Santu Wistin u San Ġirolmu ġew influwenzati. Tal-aħħar kien iddikjara li ħolom li hu ġie akkużat li ma kienx verament nisrani imma Ċiċeronjan.
Kif kien qal
Kif kien kiteb il-mibki Professur Michael Grant (1914-2004), “The influence of Cicero upon the history of European literature and ideas greatly exceeds that of any other prose writer in any language. In most of the literary, political, religious, ethical, and educational controversies that have gravely agitated western mankind he has been passionately and incessantly quoted-usually by both sides.”
L-influwenza ta’ Ċiċerun fuq l-istorja tal-letteratura Ewropea hija ferm ikbar minn kull kittieb ieħor f’kull lingwa. F’ħafna mill-kontroversji letterarji, politiċi, reliġjużi, etiċi u edukattivi li ċaqilqu sew d-dinja tal-punent hu ġie u jiġi ċitat b’saħħa u passjoni diversi drabi miż-żewġ naħat tal-argument.
Bniedem li ta’ qabilna kellhom ix-xorti li studjaw sew u jagħrfu l-għeruq tagħhom fih.
Dinja llum
Id-dinja llum ma għadhiex dik ta’ qabel u abbandunajna ħafna minn dak li kien jiddistingwina. Ma għadniex nisimgħu dwaru anqas naraw politiċi jiċċitawh. Wisq inqas nisma’ min irid jew qiegħed jaqrah. Anzi qisu hawn min jaħseb li biex il-ħajja tkun aħjar għandna nħalluh warajna, minsi fil-memorja tal-istoriċi.
Fortunatament però għad fadal universitajiet u akkademiċi li għadhom jistudjawh sew. F’Mejju tas-sena l-oħra fil-fatt ġie stampat il-ktieb voluminuż ta’ Andrew R. Dyck (1947) Professur emeritu Università ta’ Cambridge bit-titlu Cicero: The Man and His Works.
Wieħed li kif l-istoriku Amerikan Michael Kulikowski (1970) f’reċensjoni reċenti tiegħu fil-London Review of Books ifaħħar sew u jiddistingwi fl-elf u mitt paġna tal-ktieb b’dan l-mod: “Andrew Dyck’s giant volume begin there, with Cicero’s Birth in 106BC, and sticks relentlessly to biographical chronology. It is very much a life not a lefe ana times.”
Il-Ktieb voluminuż ta’ Andrew Dyck jibda hemm mit-twelid ta’ Ċiċerun 106QK, u jibqa’ strettament ma’ kronoloġija bijografika. Aktar ħajtu milli ħajtu u żminijietu.
It-Tnejn
Apprezzament tajjeb propju għax sija Dyck li ddedika ħajtu għal kitbet Ċiċerun kif ukoll Kulikowski li jaf sew is-suġġett, jafu x’inhuma jgħidu. It-tnejn jirrikonoxxu li l-fama u l-influwenza politika ta’ Ċiċerun ma baqgħetx li kienet l-iktar taħt żmien ir-repubblika Ruman minkejja li hu baqa’ jittama li se jerġa’ jiksibha lura fiż-żmien imperjali.
Minn perjodu fejn kien jidher aktar li l-politika kellha xi prinċipju għal dik li l-konvenjenza tal-mexxejja kienet iktar għolja. Xorta l-kitbet straordinarji ta’ Ċiċerun assiguratlu mhux aktar saħħa politika imma kif jgħid Kulikowski dik li ggarantietlu immortalità.
Niftakruh
Ma nippretendix li f’dan l-artiklu se ngħaddilkom ħafna minn kitibietu. Imma li huwa sabiħ hu li jibqa’ wieħed mill-kittieba li baqa’ kontra mexxejja dittatorjali. Dawk li bla ġustifikazzjoni neħħew il-libertajiet u d-drittijiet tal-bniedem. Dan għax kien jemmen li hemm awtorità iktar għolja fil-prinċipji morali li jwellduhom li ebda bniedem ma jista’ jneħħi.
Fit-trattat tiegħu dwar l-istat wara diffiklutajiet politiċi varji jikteb, “True law is reason, right and natural, commanding people to fulfil their obligations and prohibiting and deterring them from doing wrong. Its validity is universal; it is immutable and eternal. Its commands and prohibitions apply effectively to good men and those uninfluenced by them are bad. Any attempt to supersede this law, to repeal any part of it, is sinful, to cancel it entirely is impossible.”
Liġi vera hija bbażata fuq ir-raġuni, loġika u naturali, li tikkmanda bnedmin biex iwettqu dmirijiethom u li tipprojbihom u żżommhom milli jwettqu l-ħażen. Il-validità tagħha hija universali, ma tinbidilix u hija eterna. Tikkmanda u tipprojbixxi sija fuq il-bnedmin tajba u dawk li mhumiex. U kull attentat li ma tirrispettax din il-liġi, li tneħħi xi parti minnha huwa dnub, li tikkanċella hija kompletament impossibbli.
Kliem li jibqgħu jispiraw u jfakkruna li d-demokrazija hija valur u l-liġijiet tagħna li jwettquha daqshekk ieħor li jiġu protetti.
Wara tant
Wara tant snin irridu nirrikonoxxu, anzi għandna dmir li nwettqu dan ma’ dan il-bniedem kbir. Marcus Tullius Cicero immarkana u jibqa’ hekk jekk irridu nifhmu dak li aħna u kemm hemm x’wieħed jitgħallem u jirrifletti f’kitbietu.
Nirringrazzjaw kittieba u akkademiċi li għadhom jżomm għolja l-memorja tiegħu. Nittamaw li fis-snin li ġejjin naraw li jibqa’ magħna u nġibuh lura b’saħħa fl-iskejjel sekondarji u terzjarji. L-aktar fl-għarfien li kitbietu huma effettivament parti mill-identità nazzjonali u Ewropea tagħna.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 17 ta’ Marzu, 2026.
//= $special ?>

