Il-Ministeru tad-Difiża Iżraeljan qed jgħid li l-militar tiegħu rnexxielu joqtol lil Ali Larijani, il-Kap Ewlieni għas-Sigurtà tal-Iran u wieħed mill-aktar protagonisti magħrufa tar-reġim f’Teheran.
B’hekk, qed jidher li l-qawwiet Iżraeljani komplew bl-istrateġija biex jeliminaw lill-aktar uffiċjali għolja tal-Iran wara l-qtil, fl-aħħar ta’ Frar, tal-Ayatollah Ali Khamenei li kien il-Mexxej Suprem tal-Istat Iżlamiku.
Il-qtil ta’ Khamenei wassal biex ibnu, Mojtaba Khamenei, jassumi r-riedni tal-Iran li, fil-preżent, qed jiġġieled gwerra qalila kontra Iżrael u l-Istati Uniti.
L-aħħar darba li Larijani deher fil-pubbliku kien proprju nhar il-Ġimgħa waqt li kien qed jieħu sehem f’avveniment għall-Jum ta’ Quds li hi ġurnata importanti fil-kalendarju tar-reġim li ilu jamministra lill-Iran mill-1979.
Fl-istess ħin għadha ma ħarġitx il-konferma mill-Iran dwar jekk Larijani nqatilx tassew waqt il-mewġa tal- missili sparati mill-ajru lejn il-qalba ta’ Teheran.
Ir-rwol ta’ Larijani fir-reġim
Ali Larijani kellu r-rwol influwenti ta’ Segretarju tal-Kunsill Suprem Nazzjonali għas-Sigurtà tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.
Hu kien inħatar f’dan ir-rwol mill-President Iranjan Masoud Pezeshkian fl-2025 u serva wkoll bħala r-Rappreżentant Għoli tal-maqtul Ali Khamenei waqt il-laqgħat tal-Kunsill inkwistjoni.
Larijani kien wieħed mill-aktar konsulenti fdati ta’ Khamenei u meta hu serva wkoll bħala Speaker tal-Parlament Iranjan għal 12-il sena – minn Mejju tal-2008 sa Mejju tal-2020.
Minkejja li ftit hemm dubju li Larijani kien wieħed mill-pilastri ewlieni tar-reġim, l-osservaturi tal-Iran, fl-aħħar snin, kienu qed jirreferu għalih aktar bħala ‘konservattiv moderat’.
Hu minnu wkoll li Ali Larijani kien ‘il-wiċċ tal-Iran’ waqt in-negozjati mal-Punent dwar il-proġetti nukleari ta’ pajjiżu bejn l-2006 u l-2007.
//= $special ?>

