Kurt Buttigieg, raġel ta’ 45 sena mill-Marsa, tilef l-opportunità li l-każ tiegħu ta’ traffikar ta’ kilo kokaina u pussess ta’ arma tan-nar jiġi deċiż mill-Qorti tal-Maġistrati minħabba li r-rikors tiegħu ġie preżentat jum wara l-iskadenza tat-terminu.
L-akkużi fil-konfront ta’ Buttigieg imorru lura għal Awwissu tal-2021, meta wara osservazzjoni mill-pulizija f’Marsaskala, huwa nstab fil-pussess ta’ madwar kilo kokaina f’ċirkostanzi li jissuġġerixxu li d-droga ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.
Buttigieg allegatament rema pakkett bid-droga mit-tieqa tal-karozza waqt li l-pulizija kienu qed isegwuh bil-vetturi tagħhom.
Buttigieg huwa akkużat ukoll li naqas milli jobdi l-ordnijiet tal-awtoritajiet, saq b’mod perikoluż, u kkawża ħsara volontarja lil vettura tal-Pulizija tal-għamla Peugeot. Barra minn hekk, huwa kien akkużat li fir-residenza tiegħu fil-Marsa nstabet arma tan-nar u munizzjon mingħajr il-liċenzja meħtieġa.
Skont il-liġi Maltija, speċifikament l-Artikolu 22(2A)(b) tal-Kapitolu 101, akkużat għandu ċans ta’ sebat ijiem biex japplika biex il-każ tiegħu jinstema’ mill-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali minflok mill-Qorti Kriminali.
Madankollu, Buttigieg ippreżenta r-rikors tiegħu nhar is-27 ta’ Novembru 2025, li jfisser tmint ijiem wara n-notifika,. L-Avukat Ġenerali oġġezzjona għal din it-talba f’risposta ppreżentata f’Jannar 2026, billi saħaq li t-terminu stipulat huwa wieħed li għandu jiġi osservat assolutament, u għalhekk il-Qorti ma tistax tieħu konjizzjoni tiegħu jekk ma jiġix osservat.
Fl-evalwazzjoni tagħha, l-Imħallef Natasha Galea Sciberras iddikjarat li peress li l-liġi ssemmi biss “sebat ijiem”, dawn għandhom jitqiesu bħala jiem utli (tal-kalendarju) u mhux jiem tax-xogħol.
Hija nnutat li kieku l-leġiżlatur ried jeskludi l-festi u t-tmiem tal-ġimgħa, kien jispeċifika dan b’mod ċar bħalma jsir f’artikli oħra tal-Kodiċi Kriminali.
Peress li r-rikors ġie ppreżentat jum wara l-iskadenza tat-terminu, il-Qorti kkonkludiet li t-talba ma tistax tiġi kkunsidrata – B’din id-deċiżjoni, il-każ ta’ Buttigieg issa se jipproċedi fil-Qorti Kriminali.
//= $special ?>

