Lokali

Robert Abela jrid jaħbi l-assi tiegħu u tal-Ministri – PN

Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista saħaq li Robert Abela reġa’ mar il-Parlament biex jagħlaq kull forma ta’ trasparenza u skrutinju fuqu nnifsu u fuq il-Kabinett tiegħu billi formalment neħħa l-obbligu li hu u l-Ministri tiegħu jipprovdu dikjarazzjonijiet tal-assi tagħhom.

Bil-PN jgħid li minflok ma jipproponi miżuri kif itejjeb ħajjet in-nies, Robert Abela mar il-Parlament biex iwaqqaf l-iskrutinju fuqu għax aktar moħħu kif se jgħatti xturu u xtur il-Ministri milli kif se jmexxi lil pajjiżna.

Apparti min hekk il-Partit Nazzjonalista stqarr li dan hu Gvern li qed jitbiegħed u jogħla dejjem aktar ‘il fuq min-nies u mill-iskrutinju tagħhom, kif ukoll li qed ikompli jagħmel minn kollox biex jaħbi minn għajn dawk li fdawh bil-poter. Bl-istqarrija tgħid li “Min m’għandu xejn x’jaħbi, ma jibżax mit-trasparenza. Imma dan il-Gvern qed jagħżel li jaħbi ġurnata wara oħra.”

Bl-istqarrija tisħaq li l-messaġġ li qed jibgħat Robert Abela hu li, min hu fil-poter, hu ogħla minn kull skrutinju ta’ min eleġġih u li jista’ jagħmel li jrid.

Min-naħa l-oħra, Gvern ġdid Nazzjonalista hu kommess li jreġġa’ lura din id-deċiżjoni oxxena u jerġa’ jiftaħ it-trasparenza billi jerġa’ jdaħħal l-obbligu tad-dikjarazzjoni tal-assi tal-Ministri.

Bil-Partit Nazzjonalista jalaq jgħid li l-poplu għandu kull dritt iserraħ rasu li min qed imexxih mhux qed iqarraq bih.