Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal raġel li pponta pistola ma’ ras uffiċjal tal-MEPA biex joħroġlu xi permessi

Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, ikkundannat lil Emmanuele Spagnol, ta’ 72 sena miż-Żejtun, għal tmintax-il xahar priġunerija sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati ta’ sensiela ta’ reati.

Il-każ, li jmur lura għal bejn l-2008 u l-2011, kien jinvolvi skema fejn l-akkużat kien iservi bħala intermedjarju biex jikseb il-provvista tal-elettriku lil klijenti f’postijiet fejn l-ebda servizz ma seta’ jingħata legalment.

F’Awwissu tal-2010, il-Perit Alexander Borg, dakinhar maniġer fl-Enforcement Unit tal-MEPA, irrapporta irregolaritajiet fit-tfassil ta’ compliance certificates f’żoni ODZ. Dawn id-dokumenti huma essenzjali biex l-Enemalta tkun tista’ tinstalla meter tal-elettriku.

Irriżulta li Spagnol kien jidher f’diversi applikazzjonijiet fl-akkwati ta’ Ħal Farruġ, fejn il-prosekuzzjoni allegat li kien qed jitħallas biex jikseb is-servizzi b’mezzi illeċiti.

Uffiċjal tal-infurzar kien stqarr mal-kollegi tiegħu li “ħajtu kienet marret għall-agħar” minn mindu beda jħabbat wiċċu ma’ Spagnol.

Huwa spjega li kien safa mhedded diversi drabi, b’inċident partikolari f’Ottubru tal-2009 fejn l-akkużat “ippuntalu pistola lejn rasu” meta irrifjuta li joħroġ wieħed miċ-ċertifikati. Fix-xhieda tiegħu, l-uffiċjal ddeskriva dak li seħħ f’nofs Ottubru tal-2009. Huwa rrakkonta kif Spagnol sabu waħdu waqt spezzjoni fuq sit u beżżgħu b’arma tan-nar, waqt li qallu li “l-applikazzjonijiet tiegħi trid toħroġhomli kollha”.

L-akkużat allegatament semma wkoll lill-familja tal-uffiċjal, u qallu li jekk ried jieħu ħsieb lill-ommu u lill-missieru, kellu japprova kollox.

Huwa stqarr li minħabba dan it-theddid, huwa kien “qed jgħix f’gidba” u ħareġ bejn tmienja u għaxar ċertifikati li teknikament ma messhom qatt inħarġu. Għalkemm id-difiża argumentat li l-ebda arma ma nstabet fir-residenza ta’ Spagnol u li Spagnol u l-uffiċjal kienu jidhru qishom ħbieb, il-Qorti nnutat li kienu biss l-applikazzjonijiet ta’ Spagnol li għaddew minkejja l-irregolaritajiet.

Il-Qorti ddikjarat ruħha konvinta li t-theddid tabilħaqq seħħ, anke jekk ma kienx hemm prova assoluta tal-użu tal-pistola nnifisha. L-investigazzjoni żvelat kif Spagnol kien ibiddel id-dokumenti biex iqarraq bl-awtoritajiet.

F’diversi każijiet, ir-ritratti sottomessi lill-MEPA biex jinkiseb iċ-ċertifikat kienu differenti minn dawk ippreżentati lill-Enemalta biex isir l-installazzjoni. Dan sar biex jinħeba żvilupp illegali li kien iwaqqaf il-ħruġ tas-servizz.

Il-benefiċjarji tas-servizz, fosthom George Spiteri u Andrew Bartolo, ikkonfermaw li ħallew kollox f’idejn Spagnol. Madankollu, meta ġew eżaminati l-applikazzjonijiet tal-Enemalta, bosta minnhom iddikjaraw li “l-firem li jidhru fuq l-applikazzjonijiet m’humiex tagħhom”.

Espert tal-kalligrafija kkonferma li l-firem ma kinux jaqblu mal-oriġinal, u b’hekk ġie konkluż li Spagnol kien iffalsifika dawn id-dokumenti privati biex iħaffef il-proċess.

L-akkużat min-naħa tiegħu pprova jiddefendi ruħu billi qal li kien sempliċiment “intermedjarju” u li l-flus li rċieva, b’uħud mill-klijenti jgħidu li ħallsu sa LM1,000 jew €700, kienu biss biex iħallas lill-periti u lil dawk li fornewh bis-servizz tal-elettriku.

Il-Qorti madankollu ma sabitx provi li Spagnol żamm il-flus għalih innifsu, u għalhekk illiberatu mill-akkuża ta’ influwenza mhux xierqa b’rabta ma’ tixħim.

Il-Maġistrat Caruana sab lil Spagnol ħati ta’ kompliċità fl-użu tal-enerġija elettrika għal għanijiet diversi, li għamel dikjarazzjonijiet foloz lil awtorità pubblika, li ffalsifika skrittura privata u għamel użu ta’ dokumenti foloz, kif ukoll li hedded u uża vjolenza fuq uffiċjal pubbliku.

Il-Qorti nnutat li r-reati kienu “ta’ natura serja ħafna” peress li jimminaw il-fiduċja fl-uffiċjali pubbliċi.
Madankollu, hija kkunsidrat ukoll id-dewmien kbir biex il-kawża tiġi deċiża (kważa li bdiet fl-2012), il-bdil fl-avukati tad-difiża, u l-interruzzjonijiet minħabba l-pandemija.

Minbarra s-sentenza ta’ priġunerija sospiża, Spagnol ġie ordnat iħallas is-somma ta’ €1,053.94 fi spejjeż tal-qorti.

Il-Qorti lliberatu minn xi akkużi oħra, inkluż dik ta’ frodi, peress li l-Enemalta ma sofrietx ħsara finanzjarja diretta minħabba li l-kontijiet tal-elettriku kienu qed jitħallsu mill-klijenti.