Lokali Qorti

Tibda l-kumpilazzjoni fil-kontront ta’ erba’ individwi akkużati b’importazzjoni ta’ droga lejn Malta minn Sqallija

Il-kumpilazzjoni fil-Qorti bdiet b’xhieda relatata ma’ investigazzjoni tal-Pulizija dwar allegata importazzjoni ta’ droga lejn Malta minn Sqallija.

L-ewwel xhud kien l-espert Gilbert Mercieca, li spjega li fit-3 ta’ Marzu kien inħatar biex jagħmel spezzjoni fuq vettura bajda. Huwa qal li meta ġiet eżaminata l-vettura seta’ jidentifika diversi pakketti li kellhom kitba fuqhom. Il-pakketti sussegwentement intbagħtu għall-analiżi forensika fejn ġie stabbilit li kien fihom madwar 12.5 kilogrammi kokaina, b’valur stmat ta’ madwar €600,000.

Aktar tard xehed l-Ispettur Alfredo Mangion, li qal li l-Pulizija kienet ilha ssegwi diversi individwi suspettati li kienu involuti fl-importazzjoni ta’ droga minn Sqallija lejn Malta. Skont ix-xhieda tiegħu, l-investigazzjoni kienet tinkludi sorveljanza li damet diversi ġimgħat u anke xhur u kienet relatata ma’ suspett ta’ kriminalità organizzata marbuta ma’ traffikar ta’ droga bejn Sqallija u Malta.

Mangion spjega li waqt sorveljanza fiż-żona tax-Xatt tal-Marsa kienet ġiet innotata persuna ta’ interess flimkien ma’ persuna oħra identifikata bħala Jide Mallia. Iż-żewġ persuni kienu dehru jitilqu miż-żona permezz ta’ servizz Bolt.

Il-Pulizija kompliet bl-analiżi u s-sorveljanza tagħha u rriżulta li Mallia kien tela’ lura Sqallija, din id-darba b’karozza tal-għamla Toyota. Minn verifiki li saru rriżulta li l-vettura kienet irreġistrata f’ismu. L-investigazzjoni wriet ukoll li Mallia kien irritorna Malta nhar it-Tnejn 16 ta’ Frar 2026 waranofsinhar.

Mallia ġie segwit meta wasal Malta u deher imur il-Gudja fejn iltaqa’ ma’ persuna oħra li ġiet identifikata bħala Keith Spiteri. Skont ix-xhieda, Spiteri deher jagħti xi basktijiet lil Mallia, li mbagħad telaq lejn Santa Luċija, fejn kien ġie stabbilit li kien joqgħod, billi uża toroq sekondarji.

Aktar investigazzjonijiet urew li Mallia kellu wkoll vettura oħra f’ismu, Mazda, u waqt sorveljanza kien innutat li kien jagħmel użu minn din il-karozza wkoll.

Ix-xhud qal li nhar il-21 ta’ Frar bdiet sorveljanza oħra fix-Xatt tal-Marsa, fejn reġgħu dehru Mallia u Spiteri, din id-darba b’żewġ vetturi differenti. Spiteri kien qed isuq lejn il-Gudja u f’dan il-ħin ġiet innutata wkoll vettura Peugeot b’number plate Taljan li bdiet issegwih.

Skont Mangion, iż-żewġ vetturi daħlu fi triq fil-Gudja u ftit wara wasal ukoll Mallia. Mill-vettura tiegħu dehru jinżlu żewġ persuni li allegatament bdew iħottu xi kaxxi minn wara tal-karozza u jitfgħuhom fil-vettura Peugeot. Din l-attività ġiet osservata mill-pulizija li kienet qed tissorvelja l-post u aktar tard ġiet ikkonfermata wkoll permezz ta’ filmati ta’ CCTV.

Ftit wara, il-vettura ta’ Spiteri telqet mill-post u dehret sejra lejn San Ġiljan, fejn raġel u mara niżlu fiż-żona ta’ Paceville.

Għall-ħabta tas-6pm, il-Peugeot reġgħet ġiet innutata iżda kienet ipparkjata f’pożizzjoni differenti minn qabel. Aktar tard irriżulta li l-vettura kienet reġgħet telqet lejn Sqallija bil-catamaran fis-26 ta’ Frar u kellha terġa’ tidħol Malta fit-2 ta’ Marzu.

Ix-xhud qal ukoll li Mallia tela’ lura Sqallija fis-27 ta’ Frar, iżda kien ibbukjat li jerġa’ jinżel Malta fit-2 ta’ Marzu. Madankollu, Mallia deher jirritorna ġurnata qabel.

Fit-3 ta’ Marzu, vettura oħra waslet Malta għall-ħabta tat-2pm. Malli ħarġet mit-terminal, reġgħet dehret il-vettura ta’ Spiteri li avviċinat l-istess karozza u wara t-tnejn marru lejn il-Gudja. Il-vetturi pparkjaw wara xulxin, żewġ persuni niżlu u daħlu fil-karozza ta’ Spiteri. F’dak il-ħin il-pulizija interveniet u arrestathom fuq il-post.

Fil-vettura kien hemm Keith Spiteri flimkien ma’ raġel u mara ta’ nazzjonalità Taljana, li ġew identifikati fil-Qorti bħala Agatino Roberto ta’ 49 sena u Daniela Portale ta’ 42 sena minn Katanja.
Waqt tfittxijiet li saru fir-residenzi tal-imputati nstabu “sealable bags” u serial logos bl-istess numri li kien hemm fuq il-blokok tad-droga. Fit-tfittxija fil-vettura Peugeot instab ukoll kompartiment modifikat.
Il-pulizija nnotat ukoll vit mhux tas-soltu fil-parti ta’ quddiem tal-vettura fuq in-naħa tas-sewwieq.

Meta tneħħa l-mudflap ġie żvelat kompartiment moħbi fejn instabu 13-il blokka droga.

Wara tfittxija li saret fir-residenza ta’ Mallia ma nstab xejn irregolari, iżda fil-vettura tiegħu nstabu diversi turnaviti.

Il-Qorti semgħet ukoll informazzjoni dwar l-istatus tal-impjieg taż-żewġ persuni. Skont ir-reġistri ta’ Jobsplus, Keith Spiteri ma kellux impjieg irreġistrat u kien jirċievi madwar €130 allowance bħala carer.(not an employment)

Min-naħa tiegħu, Jide Mallia kien irreġistrat ma’ Jobsplus bħala self-employed part-time u kien jirċievi madwar €143 allowance minħabba diżabbilità rreġistrata. Mill-verifiki tal-pulizija rriżulta wkoll li fl-ewwel xahrejn tas-sena Mallia għamel tliet vjaġġi bejn Malta u Pozzallo.

Fil-Qorti ntqal ukoll li Keith Spiteri u Jide Mallia għażlu li jeżerċitaw id-dritt għas-silenzju meta ġew interrogati mill-Pulizija.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Alfredo Mangion flimkien mal-Avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri f’isem l-Avukat Ġenerali.
Għall-imputati dehru l-Avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi, Marion Camilleri, Jacob Magri, Adreana Zammit, Matthew Xuereb u Alex Scerri Herrera.