Sport Sport Ieħor

Tliet midalji tal-bronz u personal best f’ħames events differenti għal Tyler Jack Bugeja

Tyler Jack Bugeja rebbieħ ta' tliet midalji tal-bronz f'meeting tal-għawm fil-Lussemburgu.
Tyler Jack Bugeja rebbieħ ta' tliet midalji tal-bronz f'meeting tal-għawm fil-Lussemburgu.

Fil-jiem li għaddew l-għawwiem żaġħżugħ Malti, Tyler Jack Bugeja rebaħ tliet midalji tal-bronż f’kompetizzjoni internazzjonali tal-għawm li saret f’Kirchberg, fil-Lussemburgu, iżda mhux biss. L-għawwiem Malti, li ħa sehem f’sitt events differenti waqt tmiem il-ġimgħa impenjattiva, waqqaf ħames personal best f’ħamsa minnhom.

Bugeja, li hu meqjus bħala wieħed mill-għawwiema fost l-aktar prometenti li jirrapreżentaw il-klabb ta’ Southwaves, kien qed jieħu sehem fil-CIJ LUX Meet. Dan l-avveniment sportiv sar bejn nhar il-Ġimgħa u l-Ħadd li għadda.

L-għawwiem Malti kien qed jikkompeti fil-kategorija ta’ taħt it-13-il sena, u fl-event tal-100 metru freestyle, Bugeja temm fit-tielet post fil-finali biex rebaħ il-bronż.

Fil-preliminari ta’ dan l-event, Bugeja rreġistra l-ħames l-aħjar ħin meta għamel l-għawma f’1:03.73. Permezz ta’ dan il-ħin Bugeja mhux biss għadda għall-finali iżda l-ħin miksub kien l-aqwa wieħed tiegħu.

Fil-finali Bugeja kompla ttejjeb dan il-ħin u saħansitra daħal fit-tielet post, b’ħin ta’ 1:01.49, wara li għeleb il-kompetizzjoni diretta tal-għawwiem mill-Lussemburgu, Yehor Handraburian li temm fir-raba’ post bi frazzjoni ta’ sekondi aktar minn Bugeja.

It-tieni midalja tal-bronz minn Bugeja waslet fl-event tal-100 metru breastroke. Anke hawnhekk, Bugeja mhux biss rebaħ it-tieni midalja f’dan il-meeting tal-għawm internazzjonali, iżda għal darba, darbtejn waqqaf l-aqwa ħin tiegħu f’din l-event.

Fl-istadju preliminari, Bugeja rreġistra t-tielet l-aqwa ħin minn fost 14-il parteċipant. B’hekk Bugeja għadda għall-finali tal-100 metru breastroke f’ħin ta’ 1:20.67.

Fil-finali, Bugeja kompla jtejjeb il-ħin tiegħu u żamm it-tielet post, meta f’ħin ta’ 1:19.41, il-Malti rebaħ il-bronz għall-ispejjez tal-Belġjan, Eliott De Vlieger li kien viċin it-tielet post bi ftit.

It-tielet midalja tal-bronz mirbuħa f’Kirchberg minn Bugeja, kienet fl-event tal-200 metru Individual Medley. Anke hawnhekk il-prestazzjoni ta’ Bugeja kienet l-aqwa waħda tiegħu, għaliex kemm fil-preliminari kif ukoll fil-finali, l-għawwiem ta’ Southwaves tejjeb il-ħin personali tiegħu għal darbtejn.

Bugeja, għadda għall-finali tal-200 metru Individual Medley meta waqqaf ħin fl-istadju premilimari ta’ 2:35.37. Fil-finali, Bugeja tejjeb dan l-istess ħin tiegħu b’kważi sitt sekondi differenza, meta temm fit-tielet post u rebaħ il-bronz meta għamel għawma ta’ 2:29.47.

Għal kontra taż-żewġ events l-oħra fejn rebaħ il-bronz b’differenza ta’ ftit frazzjoni ta’ sekondi, din id-darba Bugeja daħal fit-tielet post, b’ħin ta’ kważi seba’ sekondi qabel il-Ġermaniż, Joos Zimmermann li temm il-200 metru Individual Medley fir-raba’ post.

Lilhinn mir-rebħ ta’ dawn it-tliet midalji tal-bronz waqt dan il-weekend ta’ kompetizzjonijiet tal-għawm fil-Lussemburgu, Bugeja rreġistra żewġ personal bests oħra fil-100 metru butterfly u fil-200 metru freestyle. Fil-100 metru butterfly, fl-isadju ta’ qabel il-finali, Bugeja kiseb il-ħames l-aħjar ħin, f’1:11.73.

Hu kellu l-ewwel 50 metru aktar veloċi mill-aħħar 50 metru tat-tiġrija, biex xorta waqqaf ir-raba’ personal best tiegħu f’din l-istess tmiem il-ġimgħa.

Minkejja li għadda għall-finali, Bugeja ma pparteċipax fil-finali tal-100 metru butterfly.

Fil-200 metru freestyle, Bugeja l-ewwel temm fis-seba’ post minn fost 16-il parteċipant ieħor barrani, u għadda għall-finali f’ħin ta’ 2:18.89. Fil-finali, Bugeja reġa’ kien fl-aqwa tiegħu, u minkejja li ma rebaħ ebda midalja f’din l-event, u tejjeb il-posizzjoni u l-ħin tiegħu, meta daħal fil-ħames post u waqqaf il-ħames personal best tiegħu f’ħames events differenti fl-istess tmiem il-ġimgħa, f’ħin ta’ 2:16.96; iġifieri b’żewġ sekondi u ftit aħjar mill-għawma li kellu fil-preliminari ta’ din l-event.