Il-Labour ilu snin sħaħ jippontifika fuq is-suppost trasparenza. Ilu snin akkużat b’nuqqasijiet serji fil-governanza. U issa, waslet daqqa oħra – il-mossa ta’ Robert Abela li jneħħi kull obbligu minn fuq Ministru u minn fuqu stess bħala Prim Ministru li jikxef l-assi li għandu.
Dan kollu sar bil-moħbi meta minn Kastilja sawru emendi għall-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri; b’Robert Abela iżomm skiet total dwar din il-kontroversja li assulutament ma xtaqx illi teskala fil-midja.
Għalkemm xorta nqabad. U issa, kulħadd jaf li Robert Abela reġa’ mar il-Parlament biex jagħlaq kull forma ta’ trasparenza u skrutinju fuqu nnifsu u fuq il-Kabinett tiegħu billi formalment neħħa l-obbligu li hu u l-Ministri tiegħu jipprovdu d-dikjarazzjonijiet tal-assi tagħhom.
Bil-PN jgħid li minflok ma jipproponi miżuri kif itejjeb ħajjet in-nies, Robert Abela mar il-Parlament biex iwaqqaf l-iskrutinju fuqu għax aktar moħħu kif se jgħatti xturu u xtur il-Ministri milli kif se jmexxi lil pajjiżna.
Apparti min hekk il-Partit Nazzjonalista stqarr li dan hu Gvern li qed jitbiegħed u jogħla dejjem aktar ‘il fuq min-nies u mill-iskrutinju tagħhom. U qed ikompli jagħmel minn kollox biex jaħbi minn dawk li fdawh bil-poter. Bl-istqarrija tgħid li “Min m’għandu xejn x’jaħbi, ma jibżax mit-trasparenza. Imma dan il-Gvern qed jagħżel li jaħbi ġurnata wara oħra.”
Fil-verità, il-messaġġ li qed jibgħat Robert Abela hu li, min hu fil-poter, hu ogħla minn kull skrutinju ta’ min eleġġih… u li jista’ jagħmel li jrid.
Min-naħa l-oħra, Gvern ġdid Nazzjonalista hu kommess li jreġġa’ lura din id-deċiżjoni oxxena u jerġa’ jiftaħ it-trasparenza billi jdaħħal mill-ġdid l-obbligu tad-dikjarazzjoni tal-assi tal-Ministri.
Bil-Partit Nazzjonalista jgħid li l-poplu għandu kull dritt iserraħ rasu li min qed imexxih mhux qed iqarraq bih.
//= $special ?>

