Lokali

Anton Refalo u Alicia Bugeja Said ma jistgħux jaħarbu mir-responsabbiltà politika għall-aġir tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – PN

Il-PN jistenna li jsiru l-investigazzjonijiet kollha li hemm bżonn fuq l-allegazzjonijiet serji li saru fil-konfront tad-Direttorat, il-Gvern issa qed jipprova jfarfar

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li jsiru l-investigazzjonijiet kollha li hemm bżonn wara l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali u t-tmexxija tiegħu dwar negliġenza u abbużi. Il-PN ilu snin jiġbed l-attenzjoni tal-Gvern dwar kif mhux jieħu dan is-settur bis-serjetà u, minkejja l-proposti li ressqet l-Oppożizzjoni f’abbozzi ta’ liġijiet differenti anke fil-Parlament, il-Gvern Laburista jibqa’ jwebbes rasu.


Issa, ftit tal-jiem ilu, ġie żvelat li l-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali bdiet investigazzjoni fuq l-operat ta’ dan id-Direttorat wara rapporti fuq il-kundizzjonijiet tal-faċilitajiet fejn jinżammu l-klieb fl-Għammieri, li qegħdin jiddeterjoraw b’impatt fuq l-annimali miżmuma fihom. Il-preokkupazzjonjiet dwar dan tqajmu mhux biss minn NGOs f’dan il-qasam imma wkoll minn membri tal-pubbliku li jżuru il-faċilitajiet fost l-oħrajn biex jadottaw.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna wkoll li ssir ġustizzja jekk din l-investigazzjoni tikkonferma l-allegazzjonijiet li qed isiru – allegazzjonijiet li jinkludu wkoll każi ta’ moħqrija tal-annimali. Is-sitwazzjoni tant hi gravi li kien hemm min saħanistra ddeskrivieha bħala kollass totali tas-sistema tal-welfare tal-annimali f’pajjiżna.

Dan intqal fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister għall-Ħarsien tal-Annimali Janice Abela Chetcuti.

Issa li qed isiru dawn l-akkużi serji, il-Ministru Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said – li huma responsabbli mid-drittijiet tal-annimali –  qed jippruvaw ifarfru u jaħarbu mir-responsabbiltà tagħhom billi qed jgħidu li d-Direttorat hu “awtonomu”. Dan meta ilhom snin sħaħ jgħidu kemm dan qed jagħmel xogħol tajjeb u jippruvaw jieħdu kredtu huma. Kulħadd jaf li d-Direttorat jaħdem skont id-direttivi li jingħatawlu mis-Segretarjat Parlamentari.

Dan kollu jkompli juri kemm il-ħarsien tal-annimali mhux prijorità għal dan il-Gvern. Diversi każi li seħħew fl-aħħar xhur jikkonfermaw dan, fosthom id-deċiżjoni kontroversjali li ħa s-Segretarjat Parlamentari ta’ Alicia Bugeja Said lejn tmiem is-sena l-oħra biex 19-kelb jintbagħtu f’xelter f’Napli bi spiża ta’ €100,000 għas-Segretarjat. Kien grazzi għar-reżistenza qawwija li għamlu diversi NGOs u attivisti bl-appoġġ sħiħ tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li dawn il-klieb finalment ma ntbagħtux l-Italja.

Dakinhar, minkejja li kienet Alicia Bugeja Said li ddeċidiet kollox, wara l-kritika qawwija li ffaċċjat, kienet ippruvat twaħħal fid-Direttorat għal din id-deċiżjoni.