Qorti

Estinti proċeduri kontra raġel li hedded lis-sieħba tiegħu


Raġel ta’ 29 sena, li ma jaħdimx li hedded li jisfigura wiċċ is-sieħba tiegħu nħeles mill-proċeduri kontrih wara li l-mara rtirat ir-rapport ta’ vjolenza domestika li kienet għamlet ftit sigħat qabel.

Il-każ beda t-Tlieta għall-ħabta tas-1:00 am meta l-mara marret fl-għassa tas-Siġġiewi fejn allegat li s-sieħeb tagħha kien qed ikisser l-affarijiet fid-dar tagħhom. Hija kienet qalet lill-uffiċjali li kienet qed tibża’ tmur lura d-dar u għalhekk għamlet ir-rapport inizjali.

L-akkużat, ġie mixli li kkawża biża’ ta’ vjolenza fuq is-sieħba tiegħu, li heddida u li insulentaha. Huwa kien akkużat ukoll li wettaq reat waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża.

Fil-Qorti nstema’ kif l-akkużat allegatament isofri minn problemi ta’ abbuż ta’ sustanzi u kien sar paranojku, b’theddid lejn il-mara li kien jinkludi l-kliem “se nifqgħalek wiċċek” u “se nisfiguralek wiċċek”.

Minkejja li l-Qorti staqsietha jekk kinitx ċerta mid-deċiżjoni tagħha li tirtira l-każ, il-mara kkonfermat id-deċiżjoni tagħha. Għalhekk, il-Qorti laqgħet it-talba biex il-proċeduri jitwaqqfu.