Lokali

Il-Kap tal-PN, Alex Borg iżur il-wirja “Where Hands Meet” tal-artista Josette Fenech

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg żar il-wirja tal-artista Maltija Josette Fenech “Where Ħands Meet” f’Palazzo Ferreria, li fetħet fl-14 ta’ Marzu u li se tibqa’ miftuħa sal-5 ta’ April 2026.

Waqt din iż-żjara Alex Borg tkellem ma’ Josette Fenech, wara li din għamlet ir-ritorn tagħha wara kważi għaxar snin. Fejn l-artista spjegat li din il-wirja se tappoġġja l-Ta’ Saura National Empowerment Hub – proġett tal-Malta Trust Foundation imwaqqaf mill-eks President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca.

Il-wirjiet preċedenti tagħha, inklużi RIFLESSI tal-2013 u AGAINST ALL ODDS li ttellgħet fl-2015, għenuha sabiex tibni r-reputazzjoni tagħha f’Malta u lil hinn minn xtutna. Fl-2017 ppreżentat ukoll il-wirja HORIZONS f’Londra matul il-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Ewropa.

Il-wirja Where Hands Meet turi l-fidi ta’ Fenech li l-arti tista’ wkoll tgħin lis-soċjetà. Permezz tax-xogħol volontarju ma’ nies li qed jiffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli, rat kif il-kreattività tista’ tgħin biex tissawwar il-kunfidenza, id-dinjità u l-inklużjoni fis-soċjeta.

Waqt din iż-żjara il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mix-Shadow Minister Robert Cutajar.