Lokali

Il-Partit Nazzjonalista qed isegwi mill-qrib l-iżviluppi kollha marbuta ma’ Manoel Island

Il-PN sa mill-bidu kien mal-għaqdiet ambjentali, ir-residenti u s-soċjetà ċivili li qajmu kuxjenza nazzjonali biex Manoel Island isir spazju pubbliku għall-familji

Manoel Island għandu jsir spazju pubbliku miftuħ għall-familji Maltin u Għawdxin. Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li dan huwa prinċipju ta’ ġustizzja, ta’ kwalità tal-ħajja u ta’ viżjoni serja għall-pajjiż.

Ir-residenti ta’ din iz-zona ilhom ibatu l-konsegwenzi ta’ densità eżaġerata, żvilupp qawwi u nuqqas serju ta’ ppjanar mill-Gvern. Għalhekk, il-ħolqien ta’ spazju pubbliku f’Manoel Island mhuwiex kapriċċ jew lussu, iżda ħtieġa nazzjonali.

Il-Partit Nazzjonalista jsellem u jirringrazzja lill-għaqdiet ambjentali, lir-residenti, lis-soċjetà ċivili u lil dawk kollha li b’konvinzjoni, b’serjetà u b’impenn qajmu kuxjenza nazzjonali favur din il-kawża ġusta. Jekk illum din il-possibbiltà tinsab fuq il-mejda, huwa grazzi għall-pressjoni pubblika u għall-ħidma tagħhom, kif ukoll għall-insistenza tal-Partit Nazzjonalista. Il-Gvern Laburista qatt ma jista’ jisraq dan il-mertu, u żgur li mhux grazzi għalih li wasalna s’hawn.

Hekk sostnew fi stqarrija Membru tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, Darren Carabott u l-Membru tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika Stanley Zammit fejn sostnew li l-verità hi li l-Gvern ta’ Robert Abela ma mexiex b’konvinzjoni mill-bidu, iżda kien biss reattiv. Għamel xi ħaġa biss meta sab ruħu taħt pressjoni pubblika qawwija, u wara li anke l-Partit Nazzjonalista ddikjara l-appoġġ ċar u pubbliku tiegħu għal din it-talba.

Madankollu l-Partit Nazzjonalista jifhem ukoll it-tħassib leġittimu tal-azzjonisti kollha ta’ MIDI plc, u kemm eluf ta’ persuni li investew flushom f’din is-soċjetà huma inkwetati dwar l-investimenti tagħhom. Il-PN jemmen li dan il-proċess għandu jimxi b’serjetà, b’rispett lejn kull min hu involut, iżda fuq kollox bi trasparenza sħiħa u b’ħarsien sħiħ tal-interess pubbliku.

Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għall-fatt li minkejja li l-Prim Ministru mal-ewwel mar jiġri quddiem il-kameras biex iħabbar li ntlaħaq ftehim, sa issa ħadd għadu ma ra l-abbozz tal-ftehim propost jew il-valutazzjoni tas-somma li l-Gvern qed jipproponi li jħallas lill-MIDI plc. Robert Abela għaġġel biex jipprova jagħmel gwadann politiku minn din il-kwistjoni qabel ma l-ftehim ġie ppreżentat quddiem il-Parlament u qabel ma ġie diskuss kif suppost mal-membri tal-Kumitat Parlamentari responsabbli.

Sal-mument li qed tiġi ppubblikata din l-istqarrija, id-deputati membri tal-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika għadhom ma rċivewx l-abbozz tal-kuntratt propost u l-valutazzjoni u lanqas għad hemm data proposta biex jiltaqa’ l-Kumitat Parlamentari.

Dan ifisser ħaġa waħda: Robert Abela reġa’ poġġa l-karru quddiem iż-żiemel. Reġa’ għażel il-PR qabel il-proċess. Reġa’ għażel il-punti politiċi qabel is-serjetà istituzzjonali. U reġa’ pprova jbiddel kwistjoni ta’ interess nazzjonali f’eżerċizzju ta’ promozzjoni personali.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jappoġġja dak kollu li hu fl-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi, iżda mhux se jaċċetta li ftehim ta’ din il-portata jgħaddi bla skrutinju, bla trasparenza u bla rispett lejn il-Parlament u lejn il-poplu.

Manoel Island għandu jingħata lura lin-nies. Iżda l-poplu għandu wkoll dritt ikun jaf il-verità kollha, jara l-ftehim kollu, u jifhem eżatt x’qed isir f’ismu u bi flusu.