Mill-aħħar ċifri ppubblikati llum sew mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ta’ Malta (NSO) u anke mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-UE (Eurostat) joħroġ ċar li r-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta qed tibqa’ b’mod konsistenti, xahar wara xahar, f’livell ogħla sew mill-medja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll meta mqabbel mal-medja tal-pajjiżi taż-żona ewro.
L-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet tal-Konsumatur (HICP) li kien ippubblikat dalgħodu għax-xahar ta’ Frar juri li filwaqt li r-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta x-xahar li għadda kienet fil-livell ta’ 2.3%, il-medja fil-pajjiżi tal-ewro kienet 1.9% waqt li l-medja fl-UE kienet 2.1%.
Dan ifisser li r-rata annwali tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna hija 0.4 punti perċentwali ogħla mill-medja taż-zona ewro u 0.2 punti perċentwali ogħla mill-medja tal-UE.
Meta mqabbel mal-istess xahar is-sena ta’ qabel (Frar 2025), l-għoli tal-ħajja f’Malta żdied b’0.3% – minn 2.0% għal 2.3%.
Mhux l-istess ġara fiż-żona ewro u fl-UE fejn fuq perjodu ta’ sena, l-għoli tal-ħajja naqas b’0.4% u b’0.6% rispettivament.
Dan kollu jikkonferma li l-prezzijiet f’Malta qed jogħlew b’rata ferm aktar mgħaġġla minn dawk tal-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej, u dan qed iwassal għal aktar piż fuq il-Maltin u l-Għawdxin, partikolarment fuq dawk l-aktar vulnerabbli, bħall-anzjani.
Fi Frar, l-aktar li kkontribwew għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja kienu ż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel u x-xorb, segwiti miż-żidiet fl-indiċi tal-prezzijiet tar-ristoranti u dak tas-servizzi tal-akkomodazzjoni, kif ukoll tas-servizzi rikreattivi. Dawn huma l-aktar affarijiet bażiċi u dan ikompli joħloq aktar tħassib u inkwiet.
Inkwetanti wkoll il-fatt li filwaqt li f’Malta nibqgħu niffaċċjaw rata tal-għoli tal-ħajja ogħla mill-medja tal-pajjiżi li bħalna jużaw l-ewro, f’diversi Stati Membri oħra tal-UE l-għoli tal-ħajja jinsab f’livelli ferm aktar baxxi. Fost dawn il-pajjiżi b’rata tal-għoli tal-ħajja aktar baxxa minn ta’ Malta hemm id-Danimarka, il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, il-Finlandja, l-Iżvezja, ir-Repubblika Ċeka u anke pajjiżi żgħar bħalna, kif inhuwa Ċipru, li għandu fost l-inqas rati tal-għoli tal-ħajja fl-Ewropa (0.9%).
Huwa ċar li l-Gvern ta’ Robert Abela issa nqata’ għalkollox mir-realtajiet li qed jiffaċċjaw kuljum iż-żgħażagħ, il-familji u l-anzjani Maltin u Għawdxin, fosthom il-kriżi tal-għoli tal-ħajja u l-prezzijiet dejjem jogħlew – inkluż tal-prodotti bażiċi ta’ kuljum imma anke oħrajn bħalma huma l-prezzijiet tal-proprjetà.
Min-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista qed iħoss il-polz tan-nies u qed ikompli jaħdem biex ifassal politika li twassal biex il-Maltin u l-Għawdxin jgħixu kwalità aħjar ta’ ħajja quddiem il-problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom. Nhar il-Ħadd stess, il-Kap tal-PN Alex Borg reġa’ semma numru ta’ proposti konkreti li jdaħħal Gvern ġdid Nazzjonalista biex itaffi l-piżijiet li qed jerfgħu l-familji – miż-żgħażagħ sal-anzjani – fosthom:
- It-tneħħija tat-taxxa fuq iż-żieda għall-għoli tal-ħajja (COLA) biex il-ħaddiema jgawdu miż-żieda kollha;
- Eżenzjoni mit-taxxa fuq l-ewwel €10,000 mill-overtime u l-part-time;
- Tnaqqis tar-rata tal-VAT tal-istabbilimenti tal-ikel minn 18% għal 7%;
- Tneħħija tat-taxxa kollha fuq id-dħul kollu tal-pensjonanti – wara li Abela gideb lill-pensjonanti meta qalilhom li se jeżentahom minn kull ċenteżmu taxxa fuq id-dħul tagħhom imma mbagħad ħareġ avviż legali li kulma għamel kien li għolla l-ammont tal-pensjoni mhux taxxabbli biex xorta se jibqgħu jħallsu t-taxxa kif kienu jagħmlu qabel fuq xogħol part-time, jew fuq dħul minn xi kirja jew investiment li jkollhom.
Il-Partit Nazzjonalista, immexxi minn Alex Borg, jibqa’ determinat li jkompli jagħmel pressjoni fuq il-Gvern biex ma jħallix lill-familji jegħrqu taħt il-piż tal-għoli tal-ħajja u biex jittieħdu miżuri serji u effettivi li tassew jagħtu nifs lin-nies.
//= $special ?>

