Lokali

“Inkomplu ninvestu fin-negozji biex nibqgħu kompetittivi” – Alex Borg

“Il-kumpanija Yellow Pages Malta hija eżempju ċar ta’ kif negozji lokali jistgħu jadattaw għaż-żminijiet diġitali u jkomplu joħolqu opportunitajiet ġodda. Dan hu t-tip ta’ investiment fl-innovazzjoni li pajjiżna għandu bżonn biex jibqa’ kompetittiv.”

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg waqt żjara li għamel lil Uffiċini tal-Yellow Pages, fil-Marsa.

Il-Yellow Pages huwa d-direttorju ewlieni tan-negozji lokali u aġenzija tal-marketing diġitali f’Malta u Għawdex; intrapriża li ilha topera mill-1997.

U permezz tal-pjattaforma tagħha, toffri database estensiva b’aktar minn 25,000 negozju u tilħaq madwar 200,000 page views kull xahar.

Mal-wasla tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista intlaqa’ mid-diretturi tal-kumpanija – l-aħwa Miguel u Jacques Soler, li dawwruh mal-binja fejn iltaqa’ u tkellem ma’ numru ta’ impjegati li jaħdmu f’dipartimenti differenti.

F’kummenti lil Net News, Alex Borg tenna kif Gvern ġdid Nazzjonalista, ikompli jgħin lill-kumpaniji sabiex isaħħu l-operat tagħhom u jinvestu f’pajjiżna.

Il-Managing Director ta’ Yellow Pages, Miguel Soler tkellem dwar l-isfidi li jaffaċċjaw u l-ambizzjonijiet li għandhom għall-futur bħala kumpanija.

Għal din iż-żjara Alex Borg kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Graham Bencini u Charles Azzopardi u mill-kandidat tal-Partit Nazzjonalista, Ludwig Cauchi.