Lokali

Kollox lest għall-festival ‘Mużika Mużika’

Kollox jinsab lest biex għada ssir l-ewwel serata tas-sitt edizzjoni ta’ Mużika Mużika – festival fejn jispikka t-talent kbir li għandu pajjiżna fejn jidħol il-kant. Bil-finalisti jkollhom l-opportunità li jkantaw ma’ orkestra live.

Ritratt: Catriel Farrugia

Is-16-il finalist se jkunu qed jinterpretaw il-kanzunetta tagħhom darbtejn – fis-serata tal-Ħamis u fis-serata tas-Sibt, hekk kif mhu se jkun hemm l-ebda eliminazzjoni.

Il-Ħamis il-votazzjoni se tkun miftuħa għall-udjenza tas-sala biss flimkien mal-ġurija professjonali.

Il-Ġimgħa se jkun hemm is-serata tant mistennija – dik tal-klassiċi – fejn diversi kantanti veterani jingħaqdu mal-finalisti biex jinterpretaw kanzunetta klassika.

Filwaqt li s-Sibt 21 ta’ Marzu t-televoting se jkun miftuħ għall-udjenza tas-sala u dik televiżiva, u l-voti  tal-Ħamis se jingħaqdu ma’ dawk tas-Sibt.

Ritratt Catriel Farrugia

It-tliet serati se jkunu preżentati mill-aħwa Jacqui u Ira Losco, flimkien ma’ Keith Demicoli u r-rebbieħ ta’ Mużika Mużika 2025 Jamie Cardona.

Mużika Mużika se jittella’ fl-MFCC Ta’ Qali.

Il-finalisti huma MARA, Jolene Samhan, Lapes u Nadine, Marija Bellia, Keith Zammit Mintoff, Lara & The Jukeboys, Kevin Paul, Mark Spiteri Lucas u Debbie Scerri, Nathan Psaila, Kristy Spiteri, ATT, Daniel Cauchi, Jasmine Abela, The Travellers, Jessica ft J Joy u Nicola Vella flimkien ma’ Mark Tonna.