Huwa aċċettabbli li fl-2026 il-ġenituri għadhom bla leave speċifiku għal meta t-tfal ikunu morda? Lesti li ntejbu l-jiem tal-leave? Lesti li nintroduċu liġijiet li jinkoraġġixxu lill-irġiel biex jieħdu iktar leave għall-familja?
Dawn kienu wħud mill-mistoqsijiet li tqajmu waqt dibattitu organizzat minn Vassallo Group fl-anniversarju ta’ 80 sena ta’ negozju, bl-isem Cradle and Career: Easing the Work-Family Squeeze, u li kien indirizzat minn diversi esperti u msieħba soċjali.
Net News tkellem ma’ Natalie Briffa Farrugia, iċ-chairperson ta’ Vassallo Group, li spjegat li bħala kumpanija nedew dan id-dibattitu biex jinħoloq bilanċ bejn il-familja u x-xogħol.

Il-Professur Anna Borg fl-intervent tagħha spjegat li sfortunatament ma nitkellmux biżżejjed dwar il-kwalità taċ-childcare centres, minkejja li dan huwa l-post fejn it-tfal iqattgħu l-iktar stadju delikat ta’ ħajjithom u li għandu impatt fuq x’tip ta’ tfal qed intelgħu.

Fuq din il-kwistjoni tkellmet ukoll Rachel Bondi Attard, li saħqet li għandu jkun hemm iktar infurzar fuq l-istandards taċ-childcare centres u spjegat li din it-tema l-Kamra tal-Kummerċ tkellmet dwarha diversi drabi, tant li kienet inkluża fil-pre-budget document tagħhom.
Josef Vella, f’isem l-UĦM Voice of the Workers, qal li s-soċjetà kienet li sawret lill-irġiel biex ikunu l-breadwinners u għalhekk hemm bżonn ta’ bidla kulturali. Saħaq li dan jista’ jkun possibbli permezz ta’ studju, hekk kif għamel referenza għall-fatt li l-aħħar Active Labour Market Policy li kienet iffirmata mill-imsieħba soċjali kollha saret fl-2012. Tenna wkoll li minkejja li fis-soċjetà tagħna, fil-maġġoranza, iż-żewġ ġenituri qed jaħdmu full-time, xorta waħda hemm inqas flus fl-idejn u għalhekk is-suċċess ekonomiku li tant niftaħru bih mhux qed jinħass.
Marco Bonnici f’isem l-MUT saħaq dwar l-importanza li jidħlu miżuri varji li jgħinu lill-familji u li mhumiex “one-size-fits-all”. Filwaqt li Ivan Refalo, f’isem il-Malta Employers, spjega li hemm każi fejn il-ħaddiema jagħżlu impjiegi ta’ grad inqas – u li għalhekk iwasslu għal paga iktar baxxa – iżda li joffru iktar flessibbiltà.
Intant, din il-konferenza kienet indirizzata wkoll mix-Shadow Minister Ryan Callus, li sostna li dan hu l-mument biex nirriflettu fuq ‘l-quddiem u naraw x’futur nixtiequ għall-pajjiżna. Tenna li x-xogħol u l-familja m’għadhomx żewġ dinjiet separati u għalhekk qed nesperjenzaw sitwazzjonijiet fejn persuni kapaċi immens qed ikunu kostretti jagħżlu bejn ix-xogħol u l-familja.
Issues oħra li qed jaffaċċja pajjiżna u li jkomplu jitfgħu pressjoni fuq il-familji huma: spejjeż tal-ħajja, inkluża n-nefqa tal-proprjetà, popolazzjoni li dejjem qed tixjieħ (aging population) u ħin twil biex naslu minn post għal ieħor, kompla jgħid Ryan Callus. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed jitlob għal maternity, paternity u parental leave itwal.
Skont stħarriġ li sar fl-2024, 71% iridu maternity leave itwal ta’ mill-inqas 6 xhur, 72% iridu paternity leave itwal imħallas, 61% parental leave itwal imħallas, u 75% iridu bejn 10 u 15-il ġurnata leave għal meta t-tfal ikunu morda.
Nazzareno Vassallo, il-fundatur ta’ Vassallo Group, spjega li 50 sena ilu meta ġiet irreġistrata l-kumpanija kien hemm 6 shareholders u 6 ħaddiema, kollha rġiel. Meta introduċa lil ħutu nisa f’dan is-settur tal-kostruzzjoni, li kien kompletament iddominat mill-irġiel, kien qisu qed iwettaq skandlu.
Illum il-ġurnata, 63% tal-impjegati ma’ din il-kumpanija huma nisa.
Il-Membru Parlamentari Andy Ellul kien mistieden, iżda ma attendiex għal din l-attività, fejn tqajmu diversi punti interessanti. Fost oħrajn, il-Professur Borg spjegat li iktar minn 67% tan-nisa u 85% tal-irġiel sabu diffikultà biex jaqdu r-responsabbiltajiet tal-familja.
//= $special ?>

