ll-plejer Maltija tal-badminton Francesca Clark temmet il-ġimgħa tagħha fit-turnew XXIV International Giraldilla 2026 f’Havana, Kuba, billi kisbet midalja tal-fidda fil-kategorija tan-Nisa Singles. It-turnew laqqa’ kompetituri minn diversi pajjiżi, u pprovda esperjenza internazzjonali ta’ valur għall-plejers tal-Akkademja ta’ Badminton Malta.
Clark waslet sal-finali wara serje konsistenti ta’ erba’ rebħiet konsekuttivi fil-main draw. Wara li kisbet rebħiet f’żewġ sets fir-rounds tal-bidu, inkluż rebħa kontra t-tieni seed, Margareth Revelo, Clark kompliet tavvanza lejn l-istadji finali tat-turnew.
Sussegwentement lagħbet żewġ logħbiet diffiċli li damu tliet sets biex kisbet postha fil-finali. Fil-kwarti tal-finali, Clark għelbet lil Daniela Acosta 21-15, 20-22, 21-17 f’logħba li damet eżatt siegħa. Imbagħad, fis-semifinali, għelbet lir-raba’ seed, Mariangel Garcia, bi skor ta’ 21-13, 14-21, 21-15. Fil-finali, Clark affaċċjat lit-tielet seed, Taymara Oropesa Pupo, u temmet it-turnew bħala runner-up.
Sam Cassar, kien ukoll fl-azzjoni jikkompeti bħala r-raba’ seed fis-Singles tal-Irġiel, Cassar wassal il-logħba tiegħu kontra Jose Manuel Jaime Magaña sa tielet set deċiżiv, iżda spiċċa tilef 15-21, 21-18, 13-21.
Cassar u Clark ingħaqdu wkoll għall-kompetizzjoni tal-Mixed Doubles. Huma lagħbu partita bilanċjata kontra Javier Alas u Margareth Revelo, li waslet sa tliet sets, qabel temmew il-parteċipazzjoni tagħhom b’riżultat ta’ 16-21, 21-16, 16-21.
Issa l-fokus ta’ Badminton Malta t jerġa’ jdur fuq il-preparamenti lokali biex tospita l-Malta International 2026 li se jsir bejn is-16 u d-19 ta’ April, kif ukoll għal aktar parteċipazzjoni internazzjonali.
//= $special ?>

