Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni
Min għandu x’jaħbi biss, jaħbi u jgħatti xturu! Din issa qbadna nidrawha fl-ambitu politiku lokali. Il-Gvern ta’ Robert Abela qed jipprova jpinġi stampa tlellex ta’ riforma u ta’ tisħiħ tal-etika fil-ħajja pubblika, iżda meta wieħed janalizza fil-fond, jinduna li l-miżuri proposti u dawk li diġà ddaħħlu, jara stampa kompletament differenti.
Waqt li qed jiġu mressqa regoli aktar stretti għall-Membri Parlamentari, fl-istess ħin qed jitneħħew jew jiddgħajfu obbligi importanti ta’ trasparenza li japplikaw għall-membri tal-Kabinett, jiġifieri għall-Prim Ministru u għall-Ministri. Dan ma jistax jitqies bħala koinċidenza; pjuttost irid jidher bħala bidla intenzjonata li tnaqqas l-iskrutinju fuq min għandu l-akbar poter. B’hekk, it-trasparenza tal-membri tal-Gvern sejra tkompli tiddgħajjef.
Id-dikjarazzjonijiet tal-assi
Il-qofol tal-problema, naraha fil-mod kif il-Gvern qed jittratta d-dikjarazzjonijiet tal-assi. Għal snin twal, il-Ministri kienu obbligati jippreżentaw informazzjoni dettaljata dwar il-qligħ tagħhom, l-investimenti, u anke l-assi tal-konjugi tagħhom. Din is-sistema kienet teżisti biex tiżgura li kull min jinsab fil-quċċata tal-poter ikun kompletament trasparenti dwar il-finanzi tiegħu u dawk l-aktar qrib.
Issa, taħt il-bidliet li jrid jintroduċi l-Gvern, il-Ministri qed jitqiegħdu fuq l-istess livell tal-Membri Parlamentari (li ma għandhomx lok għal miżappropjazzjoni minn fondi pubbliċi jew indħil f’kuntratti governattivi!), b’formoli ferm aktar limitati u mingħajr l-istess livell ta’ dettall li kien rikjest qabel. Dan ifisser li informazzjoni sensittiva u kruċjali m’għadhiex tiġi dikjarata, u f’ħafna każijiet lanqas ma tkun aċċessibbli għall-pubbliku.
Dan l-iżvilupp hu allarmanti għax imur kontra prinċipju fundamentali ta’ governanza trasparenti: aktar ma jkollok poter, aktar trid tkun trasparenti. Il-Ministri mhumiex biss rappreżentanti eletti imma huma nies li jiddeċiedu fuq kuntratti pubbliċi, fuq policies li jolqtu setturi ekonomiċi sħaħ, u fuq deċiżjonijiet li jistgħu jinfluwenzaw il-ħajja ta’ eluf ta’ ċittadini u l-bqija.
Rajna fil-passat riċenti kif diversi Ministri ndaħlu biex jiggwadanjaw huma jew ta’ madwarhom minn flus il-poplu, u dan wassal anke għal numru ta’ riżenji. Mela, meta dawn l-istess persuni f’karigi għoljin ma jkunux obbligati jiżvelaw il-qligħ u l-interessi finanzjarji tagħhom, tinħoloq sitwazzjoni fejn il-kunflitti ta’ interess mingħajr ebda kontroll effettiv jistgħu jkunu abbużati aktar u aktar.
Dan se jwassal għal aktar possibbiltajiet għal gwadann mhux ġustifikat u biex jittieħdu deċiżjonijiet li jistgħu jkunu motivati mill-interess personali aktar minn kollox. F’pajjiż fejn l-abbuż tal-poter hu rampanti, irridu aktar kontroll u mhux laxk.
Ir-rwol kruċjali tal-Prim Ministru
F’dan il-kuntest, ir-rwol tal-Prim Ministru huwa kruċjali, u proprju hawnhekk tinsab l-akbar kontradizzjoni. Robert Abela qed jipproponi standards ogħla għall-oħrajn filwaqt li hu stess u l-Kabinett tiegħu qed jevitaw li jkunu trasparenti bl-istess mod jew aktar skont il-pożizzjoni Ministerjali tagħhom.
Il-fatt li d-dikjarazzjonijiet tal-assi ta’ ħafna mill-Ministri ma ġewx ippubblikati għas-snin riċenti jkompli jsaħħaħ is-suspett li din mhix sempliċement riforma amministrattiva, iżda bidla li għandha l-għan li tnaqqas il-viżibbiltà fuq il-finanzi tal-Eżekuttiv, l-ogħla fergħa tad-demokrazija. Dan huwa tentattiv perikoluż li jmur kontra t-trasparenza u l-akkontabbiltà f’demokrazija moderna.
Argument li qed jiġi mressaq biex jiġġustifika din il-pożizzjoni min-naħa tal-Gvern huwa li ċittadini ordinarji ma jippubblikawx l-assi tagħhom! Iżda dan l-argument huwa żbaljat fil-qofol tiegħu u ma jagħmel ebda ġustizzja mad-demokrazija. Ċittadin ordinarju ma għandu l-ebda poter eżekuttiv, ma jiddeċidix fuq fondi pubbliċi u lanqas ma jagħti kuntratti jew permessi, għalhekk ma għandu xejn x’jiddikjara għaliex jaħdem bi flusu u mhux bi flus il-poplu. Irrid ngħid, li ċittadin komuni jgħaddi minn għarbiel rigoruż biex jamministra flusu xorta waħda minħabba l-banek. Ministru, min-naħa l-oħra, għandu responsabbiltà diretta fuq il-finanzi tal-pajjiż u l-politika li taqa’ direttament taħt ir-responsabbiltajiet tiegħu. Għalhekk, it-trasparenza mhix piż żejjed, iżda parti essenzjali mir-responsabbiltà pubblika tiegħu. Li tpoġġi lil dawn iż-żewġ kategoriji fuq l-istess livell huwa mhux biss idjotiku, iżda wkoll insult għall-prinċipji bażiċi tal-governanza.
Stampa differenti
Jekk inħarsu lejn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, naraw stampa kompletament differenti. F’ħafna stati membri, id-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-politiċi – speċjalment tal-Ministri u l-Prim Ministru – huma pubbliċi u dettaljati, u jiġu aġġornati regolarment.
F’pajjiżi bħal Franza u l-Italja, pereżempju, hemm sistemi fejn il-finanzi tal-politiċi jiġu skrutinizzati mhux biss mill-awtoritajiet iżda wkoll mill-pubbliku u mill-midja. Dan isir proprju biex jinżamm livell għoli ta’ fiduċja u biex jitnaqqsu r-riskji ta’ abbuż.
Malta, minflok timxi ma’ dawn l-istandards Ewropej, tidher li qed tagħżel triq fejn l-informazzjoni ssir anqas aċċessibbli u aktar diffiċli biex tiġi verifikata.
Aktar minn hekk, ir-reazzjonijiet minn istituzzjonijiet indipendenti juru b’mod ċar li dawn il-bidliet qed jitqiesu bħala pass lura.
Il-Kummissarju għall-Istandards esprima tħassib serju dwar il-messaġġ negattiv li qed jintbagħat, filwaqt li osservaturi oħra rrimarkaw li Malta qed timxi fid-direzzjoni opposta ta’ dak li qed jiġi rakkomandat internazzjonalment. Fi żmien fejn il-pajjiżi qed jissaħħu fis-sistemi akkontabbli tagħhom, Malta tidher li qed tagħżel alternattiva differenti – waħda li tnaqqas il-kontroll u żżid il-possibbiltajiet ta’ korruzzjoni.
Kwistjoni ta’ fiduċja
Fl-aħħar mill-aħħar, il-kwistjoni mhijiex dwar formoli jew proċeduri, iżda dwar fiduċja. Meta l-ogħla uffiċjali tal-pajjiż jagħżlu li jaħbu jew inaqqsu l-informazzjoni dwar il-qligħ tagħhom, tkun qed titnaqqas il-fiduċja tal-pubbliku fil-politika u fl-istituzzjonijiet.
F’kull demokrazija li trid tibqa’ b’saħħitha, il-mexxejja għandhom jagħtu eżempju ċar ta’ trasparenza u integrità. Sakemm dan ma jsirx, u sakemm Robert Abela jibqa’ jirrifjuta li japplika fuq innifsu l-istess standards li jippretendi minn oħrajn, kull riforma mhux se tkun favur id-demokrazija imma kontra tagħha, għal raġunijiet li jinstigaw il-korruzzjoni mill-ogħla istituzzjonijiet.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 18 ta’ Marzu, 2026.
//= $special ?>

