Opinjoni

Opinjoni: VIŻJONI 2050: KAPITLU ĠDID JEW PAĠNA MĠEDDA?

Aktar milli bidla fid-direzzjoni qed naraw ir-rotta li kienet tfasslet snin ilu

Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon u Il-Mument

VIŻJONI 2015

■ Viżjoni mibnija fuq modernizzazzjoni, tkabbir ekonomiku, u l-aqwa benefiċċji possibbli mis-sħubija Ewropea. Din il-viżjoni fissret pass kuraġġuż lejn ekonomija aktar kompetittiva, investiment fl-edukazzjoni u fl-infrastruttura, u t-tisħiħ tas-servizzi pubbliċi. Pedament importanti li poġġa lil Malta fuq triq ġdida ta’ żvilupp u opportunitajiet, u li fuqu setgħet tinbena l-viżjoni fit-tul għall-ġejjieni.

VIŻJONI 2050

■ Ħarsa fit-tul lejn futur sostenibbli, innovattiv, u inklussiv. Din il-viżjoni tħares lejn kwalità ta’ ħajja aħjar, ekonomija diġitali u ‘ħadra’, soċjetà aktar reżiljenti… viżjoni li, indiskutibbilment, tibni fuq kisbiet tal-passat riċenti biex toħloq Malta aktar b’saħħitha għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. U, fuq kollox, biex tkompli ssaħħaħ u tibni fuq il-pedamenti dipendibbli ħafna tal-Viżjoni 2015.

Bidla pjuttost fit-terminoloġija, milli fis-sustanza tad-dokumenti

Qari komparattiv bejn żewġ dokumenti

■ Fl-2007, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi, kienet tnediet il-VIŻJONI 2015 – dokument strateġiku maħsub biex jorjenta lil Malta lejn ekonomija aktar kompetittiva, bażata fuq l-għarfien, l-innovazzjoni, u s-servizz ta’ valur miżjud.
F’dawn l-aħħar ġimgħat, il-Gvern preżenti nieda l-VIŻJONI 2050, ukoll bħala qafas ta’ direzzjoni nazzjonali.
Din il-paġna mhix analiżi politika partiġjana iżda hi qari komparattiv, kapitlu b’kapitlu, ta’ żewġ dokumenti li jinqraw bħallikieku jitkellmu l-istess lingwa strateġika.

L-EKONOMIJA TAL-GĦARFIEN: TEMA LI TIBQA’

VIŻJONI 2015 – Kapitlu 2: Nibnu ekonomija kompetittiva u sostenibbli
VIŻJONI 2050 – Taqsima 1: Ekonomija reżiljenti u innovattiva.

Fiż-żewġ testi ssir l-istess enfasi fuq…
• Diversifikazzjoni tas-setturi ekonomiċi
• Investiment fir-riċerka u l-iżvilupp
• Sostenn għall-SMEs
• Malta bħala hub reġjonali għas-servizzi finanzjarji u diġitali.
Il-lingwaġġ jinbidel iżda l-arkitettura tibqa’: kompetittività, innovazzjoni, internalizzazzjoni. Saħansitra l-espressjonijiet dwar “valur miżjud” u “neċċellaw fis-servizzi” jidhru pjuttost ekwivalenti.

SOĊJETÀ INKLUSSIVA U KAPITAL UMAN

VIŻJONI 2015 – Kapitlu 3: Investiment
fil-poplu
VIŻJONI 2050 – Taqsima 2: Inklużjoni, Edukazzjoni u Ħiliet

Iż-żewġ dokumenti jidentifikaw:
Titjib fl-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali
Parteċipazzjoni akbar tan-nisa u ż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol
Ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.
Il-formalazzjoni tista’ tvarja iżda l-iskop jibqa’: tkabbir li hu intiż biex jilħaq kemm jista’ jkun lil kulħadd. Hawnhekk ukoll, il-kontinwità hi aktar milli xi rivoluzzjoni!

AMBJENT U ŻVILUPP SOSTENIBBLI: L-ISTESS WEGĦDA

VIŻJONI 2015 – Kapitlu 4: Ambjent aħjar għal kwalità ta’ ħajja aħjar.
VIŻJONI 2050 – Taqsima 3: Sostenibbiltà u tranżizzjoni ekoloġika.

It-tnejn jenfasizzaw
• Tnaqqis fl-emissjonijiet
• Investiment f’enerġija nadifa
• Użu aktar effiċjenti tar-riżorsi
Fil-Viżjoni 2015 insibu referenza ċara għall-obbligi Ewropej u l-green economy. Hawn naraw l-istess qafas aġġornat għat- terminoloġija tal-green transition u l-ESG iżda l-linja strateġika hi konsistenti: tkabbir ekonomiku flimkien ma’ responsabbiltà ambjentali.

GOVERNANZA U EFFIĊJENZA PUBBLIKA

VIŻJONI 2015 – Kapitlu 5: Governanza tajba
u amministrazzjoni effiċjenti.
VIŻJONI 2050 – Taqsima 4: Istituzzjoni reżiljenti; Trasparenza u Trasformazzjoni diġitali.

Fiż-żewġ viżjonijiet insibu enfasi fuq…
• Modernizzazzjoni tas-Servizz Pubbliku
• Diġitilizzazzjoni
• Trasparenza u kontabbiltà
Fil-Viżjoni 2015 dan jidher bħala parti mir-riforma ta’ wara s-sħubija fl-UE u b’riżultat tagħha. Fil-Viżjoni 2050 jinqara bħala allinjament ma’ livelli internazzjonali u trasformazzjoni diġitali. Madankollu l-iskop strateġiku hu identiku: amministrazzjoni aktar effiċjenti u responsabbli.

KONTINWITÀ JEW RIPETIZZJONI

■ Dokumenti strateġiċi ta’ pajjiż normalment jibnu fuq dak li jkun ġie qabel. Hu naturali li viżjoni nazzjonali ma tibdiex mill-vojt. Madankollu, meta l-paraguni jew paralleliżmu kważi perfett fit-temi, fil-prijoritajiet u, saħansitra, fl-istruttura, kapitlu b’kapitlu, wieħed jasal jistaqsi jekk VIŻJONI 2050 hix adattament aġġornat ta’ qafas preċedenti, jew riproduzzjoni modernizzata ta’ blueprint diġà mfassal.
Il-preżentazzjoni tista’ tkun ġdida, lussuża… anzi stravaganti. L-introduzzjoni tista’ tkun aktar elaborata u tiswa ħafna aktar flus, iżda l-qalba strateġika – ekonomija tal-għarfien, sostenibbiltà, inklużjoni, u governanza moderna – kienet diġà artikolata b’mod ċar fil-Viżjoni 2015.
F’dan is-sens, aktar milli bidla epokali, il-Viżjoni 2050 tista’ tinqara u tinftiehem bħala kontinwità raffinata ta’ direzzjoni stabbilita numru ta’ snin ilu mhux ħażin. U forsi hawn tinsab il-mistoqsija ċentrali: KEMM HI ĠDIDA VIŻJONI LI TIMXI FUQ TOROQ DIĠÀ MFASSLA?

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 18 ta’ Marzu, 2026.