Lokali Qorti

Probation ta’ 3 snin wara li ammetta li wettaq atti indiċenti quddiem minorenni

Raġel li ammetta li wettaq atti indiċenti quddiem grupp ta’ żgħażagħ fil-ġonna tal-Argotti u Hastings, tpoġġa taħt probation għal 3 snin.

Ir-raġel, li juża wheelchair, kien mixli li fit-8 ta’ Lulju 2020, ikkorrompa żewġ minorenni u offenda l-pudur tagħhom fi Triq ir-Repubblika fil-Belt. Mill-investigazzjonijiet il-Pulizija identifikaw lill-akkużat u arrestawh.

Fil-kors tal-kawża r-raġel ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih biex hekk il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit sabitu ħati tagħhom.

Il-Maġistrat poġġietu taħt ordni ta’ probation għal 3 snin, taħt ordni ta’ trattament għal 5 snin, ħarġet ordni ta’ trażżin għal 3 snin biex tipproteġi liż-żgħażagħ minorenni u ordnat li ismu jitniżżel fir-reġistru ta’ dawk li jkunu wettqu reati li fihom ikunu involuti l-minorenni.