Lokali

Raġel akkużat li weġġa’ lil ommu u kisrilha ħames kustilji

Raġel ta’ 29 sena tressaq il-qorti taħt arrest wara li ġie akkużat li kkawża ġrieħi gravi lil ommu waqt inċident li seħħ f’Ħal Tarxien.

Hu ġie akkużat li fis-17 ta’ Marzu 2026 allegatament ikkaġuna ferita ta’ natura gravi fuq ommu. Skont il-prosekuzzjoni, il-ġrieħi ġew iċċertifikati minn tabib u seħħew mingħajr l-intenzjoni li joqtol jew li jqiegħed il-ħajja tal-vittma f’periklu ċar. L-inċident allegatament inqala’ minn argument mal-ġenituri tiegħu. Ir-raġel, deskritt bħala mentalment instabbli, kien jistaqsi lil ommu kull filgħodu liema jum tal-ġimgħa kienet. F’din il-għodwa partikolari, huwa ħaseb li kienet qed tigdeb dwar il-ġurnata, infexx fir-rabja, u imbottaha, fejn irriżultaw il-ġrieħi.

Fil-qorti nstema’ kif l-allegat reat sar kontra wieħed mill-ġenituri tal-imputat, fatt li jqajjem il-gravità tal-każ fid-dawl tal-liġi kriminali.

L-akkużat qed jaffaċċja wkoll akkużi oħra relatati mal-istess inċident, fosthom li allegatament hedded u insulta lill-vittma, kif ukoll li wettaq atti bil-għan li jdejjaqha jew jagħmlilha ħsara.

Il-prosekuzzjoni talbet lill-qorti sabiex toħroġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma waqt li l-kawża għadha pendenti, kif ukoll f’każ ta’ ħtija.

Hu stqarr li mhux ħati.

Min-naħa tad-diviża, ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-fatt li l-unika residenza fejn jista’ jirrisjedi hija mal-allegati vittmi.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ppresediet fuq is-seduta.

L-avukat Silvan Pulis deher għall-akkużat bħala għajnuna legali, filwaqt li l-Ispettur Carlos Cordina u l-avukata Julia Micallef Stafrace mexxew il-prosekuzzjoni.