Qisha bomba lesta biex tisplodi.
Hekk iddiskriva t-tanker Russu, Uffiċjal Taljan li flimkien ma disa’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea kiteb ittra konġunta lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu azzjoni mill-aktar fis fir-rigward tat-tanker Arctic Metagaz li hu ddeskriva bħala “bomba ambjetali” lesta biex tisplodi.
Dan it-tanker Russu li hu mimli bil-heavy fuel oil issa ilu jiem ibaħħar bla kontroll fil-Mediterran bejn Lampedusa u Malta.
Fuq il-vapur mhemmx membri tal-ekwipaġġ, wara li ġie attakkat minn ‘seas-drone’ – u l-bastiment spiċċa bi ħsarat li jistgħu jikkaġunaw diżastru ekoloġiku kbir.
L-attakk seħħ aktar kmieni dan ix-xahar f’zona bejn Malta u l-Libja.
U issa l-Arctic Metagaz reġa’ biddel ir-rotta tiegħu minħabba li litteralment qed jinġarr mill-kurrenti qawwija li ħakmu l-Mediterran fl-aħħar jiem.
Is-Segretarju tal-Kunsill tal-Ministri fl-Italja, Alfredo Mantovono, insista li r-riskji li qed iġib miegħu dan it-tanker huma enormi. U tenna li dan jista’ jisplodi b’mod imminenti.
Issa għaddew iktar minn ġimagħtejn minn meta dan it-tanker intlaqat, bil-Prim Ministru Abela jindika li hemm pjan ta’ kontinġenza, però naqas milli jispjega x’jinkludi dan il-pjan u x’riżorsi addizzjonali jeħtieġu.
Li hu żgur hu, li Transport Malta qabbdu kumpanija internazzjonali sabiex toħroġ bi pjan ta’ emerġenza ħalli titfassal stateġija ta’ kif pajjiżna u l-ambjent ta’ madwarna jkun protett. U l-Forzi Armati ta’ Malta jinsabu fuq stand-by.
Intant, il-World Wildlife Foundation ukoll jinsabu fuq alert massimu hekk kif anke huma avżaw li kull forma ta’ tixrid ta’ żejt minn dan it-tanker jista’ jikkawża nirien li jkollhom impatt negattiv f’zona li għandha valur ekoloġiku imprezzabli.
//= $special ?>

