Lokali

AĠĠORNATA: Jinżammu taħt arrest fuq traffikar tad-droga u ħasil ta’ flus

Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta

Żewġt irġiel li tressqu l-Qorti b’rabta ma allegat importazzjoni u taffikar ta’ droga, inżammu taħt arrest, f’każ li qed jiġi marbut ma’ ċirku ta’ kriminalutà internazzjonali.

L-ewwel li tressaq il-Qorti kien Jan Hein Loonen, Olandiż ta’ 54 sena, li ġie arrestat fis-17 ta’ Marzu għall-ħabta tas-7.20 ta’ filgħaxija, hekk kif wasal Malta fuq titjira minn Brussell.

Skont il-Pulizija, l-akkużat kien se jqatta’ perjodu qasir fil-pajjiż, għalkemm kien hemm suspetti serji li l-għan taż-żjara tiegħu f’pajjiżna kien marburt ma’ traffikar tad-droga.

Wara tfittxija mwettqa mill-Pulizija flimkien mal-awtoritajiet tad-dwana, instabet madwar kilo kokaina fil-pussess tiegħu, b’parti mid-droga allegatament moħbija fil-qalziet tiegħu. Il-Pulizija qalet ukoll li l-valur tad-droga kien jaqbeż il-€130,000.

Fil-Qorti, Loonen qal li ma jaħdimx u ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih.

Intant, il-Qorti ordnat ukoll l-iffriżar tal-assi tiegħu, filwaqt li nżamm taħt arrest.

Fil-Qorti tressaq ukoll Hicham Berrahdani, Marokkin ta’ 43 sena, li jaħdem bħala negozjant residenti Malta.

Il-Pulizija spjegat li wara l-arrest tal-Olandiż, intbagħtu messaġġi kkontrollati lis-suspettat Marokkin sabiex imur jiġbor id-droga, għalkemm ħadd ma deher fil-lukanda fejn allegatament kellu jsir il-ġbir.

Sussegwentement, wara li nħarġu mandati ta’ arrest u tfittxija, il-Pulizija arrestat lit-tieni akkużat fl-inħawni tas-Swatar.

Waqt it-tfitxxija mill-Pulizija, instabu diversi oġġetti ta’ valur, ammont sostanzjali ta’ flus kontanti u ġojjellerija.

Il-Pulizija qalet li ssekwestrat aktar minn €45,000 fi flus kontanti, vettura Maserati, kif ukoll arloġġi, ġojjellerija, ħwejjeġ, żraben u basktijiet tad-ditta.

Skont l-akkużi, dawn l-oġġetti huma marbuta maż ħasil ta’ flus u traffikar tad-droga.

Berrahdani wkoll ċaħad l-akkużi fil-Qorti madanakollu il-prosekuzzjoni irreżistiet għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, u argumentat li l-akkużi huma ta’ natura serja ħafna, filwaqt li hemm biża’ ta’ indħil mal-provi u riskju li l-akkużat jaħrab minn Malta.

Intqal ukoll li hemm diversi xhieda oħra marbuta mal-investigazzjoni, li skont il-Pulizija qed tindika l-eżistenza ta’ netwerks usa’ ta’ traffikar taż droga u ħasil ta’ flus.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Antoine Agius Bonnici ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom fi stadju bikri u minħabba l-biża’ ta’ intralċ fil-provi.

Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba tal-prosekuzzjoni għal ordni ta’ qbid u ffriżar tal-assi mobbli u immobbli tal-akkużat.

Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta