Fiorentina bnew fuq ir-rebħa ta’ 2-1 li kisbu fl-ewwel leg f’dahrom kontra Rakow Czestochowa, biex fil-Polonja reġgħu kisbu rebħa identika u b’hekk kisbu post mal-aħħar tmienja tal-UEFA Conference League. Gowl spettakolari ta’ Marin Pongracic, aċċerta minn passaġġ għat-tim Taljan għar-rawnd li jmiss.
Bl-iskor 1-1, u Rakow bdew jagħfsu għall-gowl li permezz tagħhom jisfurzaw il-ħin barrani, kienu l-iskwadra ta’ Paolo Vanoli li b’konkluzzjoni ta’ Marin Pongracic, li minn nofs grawnd skorjaw il-gowl li aċċerta passaġġ għat-tim Taljan għar-rawnd li jmiss.
Crystal Palace kellhom jisfurzaw il-ħin barrani biex avvanzaw għall-kwarti tal-finali ta’ din il-kompetizzjoni b’rebħa ta’ 2-1 kontra AEK Larnaca, wara d-draw ta’ mingħajr gowls fl-ewwel leg li ntlagħbet f’Selhurst Park. Il-protagonista ta’ The Eagles kien l-attakkant mis-Senegal, Ismaila Sarr li skorja darbtejn, bil-gowl deċiżiv jiskorjaħ fid-99 minuta.
Il-Griegi ta’ AEK Athens, tilfu 2-0 f’dahrom kontra NK. Celje iżda xorta avvanzaw għall-kwarti tal-finali wara li fl-ewwel leg kienu rebħu 4-0 kontra r-rebbieħa tal- Pokal Pivovarna Union; it-Tazza Slovena, l-istaġun li għadda.
Tragward milħuq ukoll minn Mainz 05, li wara d-draw ta’ mingħajr gowls fl-ewwel leg kontra SK Gigma Olomouc, fil-partita tal-bieraħ rebħu 2-0, b’żewġ gowls fit-tieni taqsima.
AZ Alkmaar reġgħu ħarġu rebbieħa kontra Sparta Prague meta din id-darba rebħu 4-0 u l-mixja tagħhom fil-UEFA Conference League ta’ dan l-istaġun tkompli wara li rebħu b’aggregate ta’ 6-1.
Rayo Vallecano kellhom jitħabtu biex jiksbu post fil-Kwarti tal-Finali ta’ din il-kompetizzjoni Ewropea, wara li fit-tieni leg kontra Samsunspor tat-Turkija huma tilfu 1-0 iżda għaddew b’aggregate ta’ 3-2.
Shakhtar Donetsk tal-Ukrajna kellhom jiddefendu r-riżultat sal-aħħar sekondi tal-partita, meta f’dahrom tilfu 2-1 kontra Lech Poznan iżda grazzi għall-aggregate fuq żewġ partiti ta’ 4-3, huma kisbu post mal-bqija tas-seba’ timijiet l-oħra li se jilgħabu fil-Kwarti tal-Finali.
L-uniku tim Franċiz li għad baqa’ f’din il-kompetizzjoni huma Strasbourg li l-bieraħ f’dahrom temmew fi draw ta’ 1-1, iżda rebħu b’aggregate ta’ 3-2 kontra Rijeka, f’konfront ekwilibrat.
//= $special ?>

